Il-Papa jerġa’ jappella għall-Paċi fil-Venezwela fejn il-vjolenza qed tiżdied

Il-Papa Franġisku mexxa mijiet ta’ pellegrini f’talb speċjali għall-Venezwela li kompliet togħdos fil-kaos u l-vjolenza filwaqt li l-awtoritajiet tal-pajjiż qed ikomplu bil-pjani tagħhom li jibdlu l-Kostitutzzjoni tal-pajjiż biex jieħdu aktar poter.
Huwa talb lill-Madonna ta’ Coromoto, patruna tal-Venezwela biex tinterċedi għal dan il-pajjiż u assigura lill-poplu Venezwelan mit-talb tiegħu u esprima s-solidarjetà tiegħu ma’ dawk il-familji li tilfu ‘l ulied fid-dimostrazzjonijiet li qed ikun hemm fil-pajjiż u biex tinstab soluzzjoni paċifika u demokratika.
L-appell  tal-Papa għall-paċi sar ftit jiem wara li l-Kardinal Jorge Urosa Savino ta’ Caracas qal li l-azzjonijiet tal-President tal-pajjiż Nicholas Maduro jammontaw għal “gwerra tal-Gvern kontra l-poplu tiegħu”. Il-Kardinal ta l-appoġġ tiegħu lill-Avukat Ġenerali tal-pajjiż li hi l-ogħla uffiċjal governattiv li kkritikat bil-qawwi l-attentati tal-Gvern biex jibdel il-Kostitutzzjoni.
Luisa Ortega Diaz kient inħatret Avukat Ġenerali mill-ex President Hugo Chavez u llum qed tikkundanna bil-qawwa il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fuq dawk li qed jipprotestaw kontra l-Gvern u saħansitra ppruvat tneħħi imħallfin maħtura mill-President attwali Maduro li nħatru f’ċirkostanzi suspettużi.
Il-kritika tagħha wasslet  biex il-Gvern ipprojbiha milli titlaq mill-pajjiż u ffriża l-kontijiet bankarji tagħha. Għal dan hi talbet il-protezzjoni tal-Kummissjoni Inter-Amerikana.
F’isem l-isqfijiet tal-pajjiż, il-Kardinal Savino appellalill-Gvern biex iwaqqaf l-attentat tiegħu li jistabilixxi fil-pajjiż “sistema totalitarja Marxista” u jieqaf jagħmel użu minn riżorsi illegali biex ikisser il-pajjiż.