Il-Papa jdaħħal il-festa tal-Madonna Omm il-Knisja fil-kalendarju liturġiku

Il-Papa Franġisku ddikjara li d-devozzjoni antika lejn il-Madonna bħala Omm il-Knisja għandha tidħol fil-Kalendarju Liturġiku Ruman u tibda tkun iċċelebrata fl-ewwel Tnejn wara l-Pentekoste.
Id-digriet maħruġ mill-Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti jgħid li b’din id-deċiżjoni l-Papa jrid jinkoraġixxi s-sens matern tal-Knisja fis-saċerdoti, ir-reliġjużi u l-fidili.
Fih riflessjoni fuq l-istorja tat-teoloġija Marjana fit-tradizzjoni liturġika tal-Knisja u l-kitbiet tas-Santi Padri.
Id-dokument jagħmel riferenza għal Santu Wistin li qal li “Marija hi omm il-membri ta’ Kristu għax ikkooperat fit-twelid mill-ġdid tal-fidili fil-Knisja”, filwaqt li San Iljun il-Kbir jgħid li “t-twelid tar-ras hu wkoll it-twelid tal-ġisem” u b’hekk indika li Marija hi fl-istess ħin Omm ta’ Kristu l-Iben t’Alla u omm il-membri tal-Ġisem Mistiku tiegħu, li hi l-Knisja.
Dawn ir-riflessjonijiet huma riżultat tal-“maternità divina ta’ Marija u tal-għaqda intima tagħha fil-ħidma tas-Salvatur.
Fl-Iskrittura nsibu lil Marija f’riġlejn is-salib u hemm saret Omm il-Knisja meta “aċċettat it-testment ta’ mħabba ta’ binha u laqgħet lin-nies kollha fil-persuna tad-dixxiplu l-maħbub,  bħala ulied”.
Fl-1964, il-Papa Pawlu VI kien iddikjara lill-Verġni Marija bħala “Omm il-Knisja, jiġifieri tal-Insara kollha, il-fidili u l-mexxejja tagħhom li jsejħulha omm u kien stabilixxa li Omm Alla għandha tkun onorata u invokata mill-Insara kollha b’dan it-titlu.”
Fl-1975, is-Sena tar-Rikonċiljazzjoni, il-Knisja daħħlet fil-Missal Ruman quddiesa votiva f'unur il-Verġni Mqaddsa Marija Omm il-Knisja.
Issa, b’dan id-digriet, Franġisku daħħal din iċ-ċelebrazzjoni fil-liturġija tal-Knisja Universali f’data fissa.