Imut ħabib tal-Papa; iċempel lil ibnu

Il-Papa Franġisku f’dawn il-ġranet ċempel personalment lil iben ħabib tiegħu fl-Istati Uniti biex jagħtih il-kondoljanzi għall-mewt ta’ missieru li kien ħabib taż-żogħżija tiegħu meta kienu membri tal-Azzjoni Kattolika flimkien fi Buenos Aires.

Mario Verna, miet bil-marda tal-Parkinsons fit-3 ta’ dan ix-xahar, fi New Jersey.

“Wasalna f’età meta nibdew niġu msejħa lura għand Alla” qal il-Papa bl-Ispanjol f’telefonata ta’ minuta, u żied jgħid “issa nitlob għalih fl-ewwel quddiesa li se nagħmel”.

Dan ir-rakkont qasir għamlu Matthias Verna, psikjatra ta’ 49 sena li jaħdem fi New York, fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.  Matthias hu iben Mario Verna.

Matthias u ż-żewġ ħutu subien dejjem kienu jisimgħu lil missierhom jgħid li kien ħabib kbir ta’ Jorge Bergoglio, illum il-Papa Franġisku, minn meta kienu għadhom adoloxxenti membri tal-Azzjoni Kattolika.

Fl-4 ta’ Diċembru, Matthias bagħat fax fil-Vatikan, miktuba bl-Ispanjol li fiha ta d-dettalji tiegħu u fejn jista’ jkun ikkuntattjat, u permezz tagħha informa lill-Papa Franġisku bil-mewt ta’ missieru.

Anqas minn 24 siegħa wara, waqt li kien qed isuq il-karrozza, irċieva telefonata minn “xi ħadd mhux magħruf”. Meta wieġeb it-telefown induna li kien il-Papa Franġisku.

“Għaraft leħnu mill-ewwel u stagħġibt ‘O’. Waqt li kont qed inkellmu kien kalm, naturali u wera umanità kbira”. Il-Papa qal lil Matthias “U żgur li niftakar lil El Falco”, l-Irqiq – li kien il-laqam taż-żogħżija ta’ missieru.

“Kif spiċċat it-telefonata, saqajja ħassejthom qishom biċċa lastiku. Imbagħad infexxejt nibki. Kienet esperjenza tal-għaġeb”.

“Missieri kien magħruf għall-ospitalità tiegħu u għal kif kien kapaċi jaqbad konverżazzjoni ma’ kulmin kien jgħaddi minn quddiem il-bieb tad-dar.  Dejjem kien magħruf għas-sorpriżi li kien iħobb jagħti. Għalina, t-telefonata tal-Papa kienet l-aħħar sorpriża tiegħu”, temm jgħid Matthias lill-ġurnal “Today”.