Il-Papa Franġisku jċempel lil saċerdot f’kamp tar-refuġjati fl-Iraq

Il-Papa Franġisku ċempel lil saċerdot f’kamp tar-refuġjati fl-Iraq biex jgħidlu li hu jinsab viċin dawk li qed jiġu ippersegwitati fl-Iraq.
Franġisku ċempel lil Fr Behnam Benoka fid-19 t’ Awwissu, ġurnata wara li wasal lura l-Vatikan mill-vjaġġ fil-Korea t’isfel.
Fr Benoka huwa l-viċi rettur tas-Seminarju ta’ Ankawa u kien joqgħod Bartella, villaġġ żgħir Nisrani viċin il-Belt ta’ Mosul.
Bħalissa qed jaħdem f’kamp tar-refuġjati fit-Tramuntana tal-pajjiż, biex jgħin lill-Kristjani li tkeċċew minn djarhom mill-grupp militanti IS.
Jidher li l-Papa ċempel lis-saċerdot wara li qara ittra miktuba minnu stess. Is-saċerdot bagħat l-ittra ma’ ġurnalista li kien mal-Papa Franġisku fuq l-ajruplan fi triqtu lura lejn il-Vatikan mill-Korea t’ isfel.
Waqt it-telefonata, il-Papa rringrazja lill-voluntiera kollha li qed jaħdmu fil-kampijiet tar-refuġjati u qalilhom li kuljum jitlob għalihom.
Fl-ittra, is-saċerdot irringrazja lil Papa għall-appelli tiegħu biex tieqaf il-persekuzzjoni tal-Insara u gruppi oħra f’minoranza fl-Iraq. Qal li jinsabu ftit saċerdoti u reliġjużi u mhux ilaħħqu mal-bżonnijiet fiżiċi u psikoloġiċi ta’ dawk li qed jgħinu.
F’paragrafu minnhom is-saċerdot kiteb hekk:
“Santità, qed nibża’ li ħa jintilfu ħafna minn uliedek, speċjalment tfal li kuljum qed isiru aktar dgħajfa. Berikna biex ikollna s-saħħa naħdmu u nirreżistu aktar.”
Il-Papa laqa’ din it-talba u fl-aħħar tat-telefonata ta l-barka appostolika tiegħu u talab lil Alla jagħti lill-Insara tal-Iraq il-perseveranza fil-fidi.