Il-Papa jċanfar lill-Kardinal Sarah

Il-Papa Franġisku ċanfar biis-sħiħ lill-Kardinal Robert Sarah, Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Kult Divin, u kkritika l-interpretazzjoni li qed jagħti għall-aħħar dokument tiegħu dwar it-traduzzjoni tat-testi liturġiċi.
Il-ġimgħa li għaddiet il-Kardinal Sarah ċċirkola kummentarju li kiteb dwar id-dokument ta’ Papa Franġisku, fejn qal li għalkemm il-Papa jrid jagħti awtonomija akbar lill-Konferenzi Episkopali fuq il-liturġija, it-testi finali kif tradotti xorta jridu jkunu approvati mill-Kongregazzjoni li jmexxi hu.
F’ittra bi tweġiba, il-Papa qal li l-kummentarju tal-Kardinal Sarah jista’ jagħti l-impressjoni żbaljata li l-Kongregazzjoni għad għandha l-istess poteri fuq it-testi liturġiċi li kellha qabel il-Magnum Principium li ħareġ hu.   
Il-Papa enfasizza li l-konferenzi episkopali individwali għandhom il-fakultà li jiġġudikaw huma l-validità tat-traduzzjonijiet tat-testi liturġiċi.
Fl-ittra tiegħu Papa Franġisku warrab ukoll l-impressjoni mogħtija mill-kummentarju tal-Kardinal Sarah li t-traduzzjonijiet tal-Konferenzi Episkopali għadhom suġġetti għal studju rigoruż mill-Vatikan qabel ikunu approvati.
Hu qal li l-Vatikan m'għandux jimponi fuq il-Konferenzi Episkopali. Il-Papa indika li l-Kardinal fehem b’mod żbaljat il-ħsieb wara d-dokument li ħareġ hu (il-Papa).
Żied jgħid li issa mhux il-każ li t-traduzzjonijiet iridu jkunu konformi f’kollox man-normi li kien hemm fil-passat.
L-istruzzjonijiet tal-2001 dwar it-traduzzjonijiet liturġiċi jridu jkunu maħsuba mill-ġdid u xi aspetti tal-gwidi għat-tradutturi jridu jitħassru.
Papa Franġisku insista li t-traduzzjonijiet liturġiċi jridu jkunu jaqblu mal-oriġinali bil-Latin, ikunu fidil għal-lingwa li fihom jinqalbu u jkunu jinftiehmu mill-poplu.
L-ittra tal-Papa turi t-tensjoni li hemm bejnu u l-Kardinal li jmexxi l-Uffiċċju Liturġiku tal-Vatikan li s-sena li għaddiet ħeġġeġ lis-saċerdoti jqaddsu jħarsu lejn l-Orjent u l-Vatikan kien ħareġ stqarrija li ma kienu approvati ebda normi liturġiċi ġodda. 
Il-Papa issa ordna lill-Kardinal Sarah li jwassal din l-ittra lil kulmin irċieva d-dokumentarju tiegħu.