Il-Papa jċanfar lill-FIFA dwar xogħol ta’ skjavi fil-Qatar

Il-Papa Franġisku kiteb ittra lill-President tal-FIFA li fiha lmenta mill-fatt li fil-bini tal-istadiums li fihom se jintlagħab il-logħob tat-Tazza tad-Dinja fil-Qatar qed jintużaw immigranti bħala ħaddiema li qed ikunu trattati ta’ skjavi bi ksur tad-drittijiet umani u fejn diġà kien hemm aktar minn 2,000 immigranti li mietu waqt dawn ix-xogħolijiet.
Ħafna jafu kemm il-Papa Franġisku hu dilettant tal-futbol u fl-istess waqt kemm hu kontra t-traffikar uman, tant li poġġa din il-pjaga bħala prijorità fil-pontifikat tiegħu.
Għalhekk approva li titwaqqaf Fondazzjoni Scholas biex tiġġieled kontra l-iskjavitu moderna li qed titħaddem fil-bini ta’ stadiums ġodda li se jospitaw it-Tazza tad-Dinja tal-Futbol fl-2022 li se ssir fil-Qatar fejn mijiet ta’ vittmi tat-traffikar uman qed jintużaw għal dan il-bini u kien hemm ħafna li mietu waqt din il-ħidma.
F’Ottubru li għadda, f’laqgħa li kellu mal-President tal-Fondazzjoni għad-Demokrazija Internazzjonali l-Papa Franġisku kien ippreżentat b’rapport imsejjaħ “Il-Passjoni wara Qatar 2022".
Il-Papa, fis-27 ta’ Frar, kien pront kiteb lill-President tal-FIFA, Gianni Infantino u talbu spjegazzjonijiet għall-kontenut tal-imsemmi rapport.
Il-Fondazzjoni għad-Demokrazija Internazzjonali għamlet investigazzjoni fejn sabet li l-awtoritajiet tal-Qatar kienu qed jiksru d-drittijiet umani ta’ ħaddiema u immigranti li kienu qed jintużaw biex jinbnew il-faċilitajiet sportivi u li sal-lum mietu aktar minn 2,000 immigrant li kienu qed jaħdmu fuq dawn ix-xogħolijiet.
Infantino kien mistieden jiltaqa’ ma' żewġ rappreżentanti tal-Papa dwar dan il-każ jew fil-Vatikan stess jew huma jmorru fl-uffiċċju tiegħu. Sal-lum il-FIFA għadha ma weġbitx għall-ittra tal-Papa.
Fl-2016 il-Papa kien diġà talab lil Infantino biex jiġġieled il-korruzzjoni li kien hemm fil-FIFA stess. Dan kien wassal għar-riżenja ta’ Sepp Blatter li kien President tal-FIFA u għadd ta’ uffiċjali oħra.