Il-Papa jċanfar il-media dwar il-fenomenu tal-imigrazzjoni

F’intervista li ta fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, il-Papa Franġisku ċanfar il-media u qal li din għndha tieqaf li tkompli tipperpetwa l-isterjotipi negattivi dwar l-imigrazzjoni u tispjega l-istampa sħiħa biex turi x’inhu jwassal għal dan. Il-kelma “illegali” m’għandiex tintuża bħala sinonimu għal “immigrant”.
“Iċ-ċaħda tad-drittijiet umani, il-konflitti vjolenti, iċ-ċaħda ta’ neċessitajiet bażiċi, id-diżastri naturali u d-diżastri kaġunati mill-bniedem: dan kollu għandu jingħad u jkun spjegat ċar u tond biex ikun hemm għarfien sħiħ tal-fenomenu tal-imigrazzjoni biex ikun hemm mod ġust kif wieħed iħares lejn din il-pjaga”, sostna il-mexxej tal-Knisja Kattolika.
Kemm il-darba tisma’ il-kelma “illegali” b’riferenza għall-“emigrant”?, staqsa l-Papa Franġisku. Dan hu żbaljat. Din hi informazzjoni bażata fuq tagħrif żbaljat li twassal lill-pubbliku biex jifforma opinjoni negattiva. Dan juri l-ossessjoni tal-media għas-sensazzjonaliżmu u stejjer negattivi li jiġbdu l-attenzjoni tal-pubbliku. Spiss nisimgħu dwar xi ħaġa żbaljata jew negattiva li jkun wettaq xi imigranti iżda rari nisimgħu dwar xi ħaġa tajba li jkunu għamlu.
Hi biss informazzjoni korretti li tista’ tkisser il-preġudizzji u ġġaraf il-barrieri tal-biża’ u l-indifferenza.  Meta l-media, permezz ta’ immaġini u stejjer turi l-aspett uman ta’ dan il-fenomenu, naslu biex inneħħu l-biża’u niltaqgħu u nilqgħu lil dawn in-nies.
Għan-nisrani, l-integrazzjoni paċifika ta’ nies minn kulturi differenti, tirrifletti l-universalita’ tal-Knisja għax id-diversita’ etnika u kulturali hi dimensjoni tal-ħajja tal-Knisja li hi miftuħa għal kulħadd. Ma għandniex nitilfu s-sens ta’ responsabbilta’. Id-difiża tad-drittijiet umani m’għndhiex fruntieri. Flimkien irridu nassiguraw ħajja dinjituża għal kull raġel, mara jew tifel li jkunu kostretti jabbandunaw pajjiżhom. Ebda differenza fit-twemmin ma għandna żżommna milli nagħmlu dan, sostna il-Papa Franġisku.
Il-Papa appella biex l-Ewropa u partijiet oħra fid-dinja meta jiġu biex ifasslu l-politika tagħhom dwar l-imigrazzjoni iridu jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet umani u joħolqu politika li twaqqaf il-kawżi li jwasslu għal emigrazzjoni furzata.