Il-Papa jbus saqajn il-mexxejja tas-Sudan t’Isfel; jappella għall-paċi

Vatican News

Waqt il-konklużjoni ta’ irtir spiritwali fil-Vatikan, il-Papa Franġisku niżel għarkupptejh u bies saqajn l-awtoritajiet ċivili tas-Sudan t’Isfel. Hu appella lill-President Salva Kiir, l-eks deputat tiegħu li issa qed imexxi lir-ribelli Riek Machar, u tliet viċi presidenti oħra biex jirrispettaw ftehim tal-paċi li kienu ffirmaw.

Skont is-sit Vatican News, il-Papa talabhom bħala dawk li ffirmaw ftehim biex jibqgħu fil-paċi. Qalilhom li se jkollhom ħafna problemi imma ħeġġiġhom jimxu ‘l quddiem. Qal li dawn il-problemi għandhom jibqgħu “fl-uffiċċju” filwaqt li fil-pubbliku għandhom jimxu id f’id. Skont il-Papa, b’hekk minn sempliċi ċittadini jsiru l-missirjiet tan-nazzjon.

Fid-diskors preparat tiegħu, il-Papa Franġisku rrifletta fuq il-ħarsa ta’ Alla u l-ħarsa tal-poplu. Beda d-diskors tiegħu bi kliem Ġesù: “Il-paċi magħkom!”

Il-Papa qal li qatt ma jixba jgħid li l-paċi hija possibbli. Qal li l-paċi hija rigal mibgħut minn Alla però li hija wkoll dmir ta’ dawk responsabbli għall-poplu. Żied jgħid li kulħadd huwa msejjaħ biex iġib il-paċi u jibni l-paċi permezz tad-djalogu. Il-Papa Franġisku qal li n-nies għejjew mill-kunflitti u qal li b’gwerra kollox jintilef.

Il-Papa temm jgħid li jispera li jkun jista’ jżur is-Sudan t’Isfel “dalwaqt”.