Il-Papa jbierek għajnejn tifla li se titlef id-dawl

Mill-Belt tal-Vatikan ħarġu dawn ir-ritratti li juru lill-Papa jbierek tifla ta’ ħames snin.
Mad-daqqa t’għajn wieħed jaħseb li huma ritratti bħal dawk ta’ sikwit, kull meta l-Papa jiġi ppreżentat bi tfal jew jiltaqa’ maż-żgħar fi Pjazza San Pietru jew f’xi udjenza jew laqgħa privata.
Din id-darba imma, ir-ritratti huma tat-tifla Lizzy, jew Elizabeth, Myers minn Ohio, fl-Istati Uniti, li tbati minn kundizzjoni ġenetika li bil-mod il-mod se ċċaħħadha mill-viżta t’għajnejha u mis-smigħ.
Il-Papa Franġisku jidher hawn ibierek għajnejn iċ-ċkejkna wara li qatta’ diversi minuti magħha fi tmiem l-Udjenza Ġenerali ta’ nhar t’Erbgħa li matulha Lizzy u l-ġenituri tagħha kellhom postijiet riservati.
It-tifla ma tafx bil-kundizzjoni li għandha u għalhekk mhix konxja li se titlef il-viżta.
Il-ġenituri tagħha, malli saru jafu bil-kundizzjoni tagħha, għamlu lista ta’ postijiet li jixtiequ juruha qabel titlef id-dawl t’għajnejha.
L-ewwel post kien osservatorju tal-ispazju qrib id-dar tagħhom fejn it-tifla setgħet tara l-qamar u l-kwiekeb. Mingħajr ma’ l-ġenituri kienu jafu, ġie mistieden ġurnalist li xandar l-istorja ta’ Lizzy madwar id-dinja u mill-ewwel bdew jirċievu l-offerti biex it-tifla tiġi murija kemm jista’ jkun postijiet fl-inqas żmien possibbli. Fost l-offerti kien hemm dik tal-linja tal-ajru Turkish Airlines, li offritilhom li teħodhom fejn jixtiequ fid-dinja. Il-familja għażlet Ruma.