Il-Papa jattendi għall-irtir tar-Randan barra Ruma

Il-Papa Franġisku jinsab fil-belt ta’ Ariccia, fin-nofsinhar ta’ Ruma għal ġimgħa ta' rtir tar-Randan flimkien ma' membri tal-Kurja.
Il-Papa ħalla l-Vatikan b’kowċ il-Ħadd wara nofsinhar, ftit sigħat wara li qal it-talba tal-Anġelus fi Pjazza San Pietru.

Din kienet l-ewwel darba li l-irtir tar-Randan qed isir barra l-Vatikan fuq deċiżjoni tal-Papa nnifsu. Il-belt medjevali li tilqa’ d-dar tal-irtiri tinsab qrib ir-residenza tal-Papa f’Castel Gandolfo.
Bid-deċiżjoni li joħroġ mill-pressjoni ta’ kuljum tax-xogħol fil-Kurja, il-Papa ried jgħaddi l-messaġġ li s-silenzju u t-talb għandhom il-qawwa li jibdlu l-ħajja tal-bniedem u r-relazzjonijiet tiegħu mal-oħrajn.

F’intervista mal-ġurnal Corriere della Sera, il-Papa Franġisku qal li l-irtiri għandhom jingħataw iktar importanza u ‘kulħadd għandu dritt iqatta’ ħamest ijiem fis-skiet u l-meditazzjoni.’
Mons Angelo De Donatis, minn parroċċa f’Ruma, qed imexxi t-talb u l-meditazzjoni għall-Papa u l-uffiċjali tal-Kurja matul din il-ġimgħa.