Il-Papa japprezza messaġġ ta’ adolexxenti Imqabbin

Photo ©Vatican Media

“Il-Papa Frangisku apprezza ħafna filmat b’messaġġ ta’ inkoraġġiment li adolexxenti Imqabbin bagħtulu biex jirringrazzjawh għall-ħidma tiegħu sabiex jiġu protetti minuri mill-abbuż.” Hekk ikkummenta l-Arċisqof Charles Scicluna ma’ Newsbook.com.mt meta tlabnieh jikkummenta dwar ritratt fejh jidher hu juri filmat lill-Papa Franġisku.

L-Arċisqof qalilna li kien Dun Anton D’Amato li ħa l-inizjattiva biex għadd ta’ adolexxenti, membri fil-Youth Centre tal-Parroċċa tal-Imqabba, jibagħtu messaġġ lill-Papa bir-ringrazzjamenti tagħhom għall-ħidma tiegħu.

Photo ©Vatican Media

L-Arċisqof wera dan il-filmat lill-Papa waqt il-laqgħa tal-Isqfijiet li saret il-Vatikan biex il-Knisja tkompli tiġġieled kontra l-abbuż sesswali. Kif jidher mir-ritratt il-Papa segwa l-filmat qasir b’attenzjoni kbira. Kif intemm il-filmat ta’ ftit minuti, il-Papa wera l-ferħ tiegħu u rringrazzja lill-Arċisqof u lill-adolexxenti Imqabbin.

Waqt l-Omelija fil-quddiesa tal-bieraħ fil-Vatikan li biha ntemmet il-konferenza ta’ erbat ijiem dwar il-protezzjoni tal-minuri, il-Papa Franġisku sostna li dawk il-persuni fil-Kleru li jabbużaw lit-tfal huma “għodda ta’ Satana”.

Persuni fil-kleru li jabbużaw lit-tfal huma “għodda ta’ Satana” – il-Papa