Il-Papa japprezza l-ammissjoni tal-iżball mill-Isqfijiet Ċileni

L-Isqfiiet Ċileni f'laqgħa li kellhom mal-Papa Franġisku fil-Vatikan aktar kmieni din is-sena

Il-Papa Franġisku esprima l-apprezzament għall-isforz tal-Isqfijiet Ċileni li jikkoperaw mal-prosekuturi li qed jinvestigaw l-abbużi u l-fatt li huma rrikonoxxew li naqsu li jisimgħu lill-vittmi tal-abbużi sesswali.

Il-Papa wera dan l-apprezzament f’ittra li kiteb hu stess lill-President tal-Konferenza Episkopali Ċilena fil-5 ta’ dan ix-xahar, li xxandret mill-istess Isqfijiet.

Il-ġimgħa li għaddiet l-Isqfijiet taċ-Ċilì ħarġu dokument imsejjaħ “Dikjarazzjoni, Deċiżjonijiet u Impenn tal-Konferenza Episkopali Ċilena”. Fl-ittra li bagħtilhom, il-Papa qal li kien “impressjonat bix-xogħol ta’ riflessjoni, dixxerniment u d-deċiżjonijiet meħuda”.  Qal li d-deċiżjonijiet li ħadu huma “realistiċi u konkreti” u wera t-tama li dan kien pass deċisiv li se jgħin biex tkun konfrontata l-kriżi.

Il-Papa wiegħed it-talb tiegħu lill-Isqfijiet speċjalment “f’dan l-isforz pastorali komuni”.

Il-ġimgħa li għaddiet l-Isqfijiet Ċileni ltaqgħu biex jiddiskutu l-kriżi tal-abbużi sesswali fil-Knisja tagħhom u kif naqsu milli jirrispondu għal din il-kriżi. F’dokument li ħarġu rrikonoxxew “in-nuqqasijiet u l-ommissjonijiet” tagħhom u enfasizzaw l-impenn tagħhom li jgħinu lill-prosekuturi li qed jinvestigaw l-imsemmija abbużi sesswali.

Fid-dikjarazzjoni l-Isqfijiet Ċileni talbu maħfra “għall-weġgħat li kkaġunaw lill-vittmi, lill-Papa, lill-poplu t’Alla u lill-pajjiż kollu għall-iżbalji gravi li wettqu u rringrazzjaw lill-Papa Franġisku “talli semagħhom bħala missier u kkoreġihom bħall-aħwa”.

Fl-istess waqt l-Isqfijiet irringrazzjaw lill-vittmi “għall-perseveranza u l-kuraġġ tagħhom, minkejja d-diffikultajiet personali, spiritwali, soċjali u familjari enormi li kellhom jiffaċċjaw fost attakki mill-istess komunità ekkleżjastika.”

Fl-aħħarnett l-Isqfijiet taċ-Ċilì ddikjaraw li “l-Isqfijiet kollha li kellhom laqgħa mal-Papa f’Ruma ftit ilu, ħallew f’idejn il-Papa biex jiddeċiedi liberament dwar kull wieħed minnhom”.

Min-naħa tiegħu l-Papa Franġisku qalilhom biex “ikomplu jibnu Knisja profetika li taf kif tpoġġi fiċ-ċentru dak li hu essenzjali u importanti: is-servizz lejn min hu bil-ġuħ, il-foqra, il-priġunieri, l-emigranti u lil dawk abbużati”.