Il-Papa jappella lir-reliġjużi biex jgħixu l-vokazzjoni

Il-Papa Franġisku kellu laqgħa ma’ qassisin, patrijiet, sorijiet u seminaristi fis-seminarju ta’ Trujillo fil-Perù u appellalhom biex jgħixu l-vokazzjoni tagħhom u ma jinsewx l-għeruq.
Hu qalilhom  biex dejjem iħarsu lejn il-passat u l-għeruq tagħhom biex ikunu jisgħu jikbru u jagħtu l-frott.  Hu sejjaħ din bħala dimensjoni ta’ ħajja “dewteronomika”.
Meta niftakru nkunu qed inħarsu lejn il-passat biex niskopru l-ikel li għajjex il-qlub tad-dixxipli tul is-sekli u b’hekk nagħrfu l-preżenza t’Alla fil-ħajja tan-nies.
Il-Papa tkellem dwar tliet tipi ta’ virtujiet.
L-ewwel tip hi li wieħed jagħraf lilu nnifsu bil-ferħ. Dan jagħti ċans lid-dixxiplu li jidħak u jiċċajta bih innifsu. Meta nitgħallmu nidħku bina nfusna jkollna l-ħila spiritwali li mmorru quddiem Kristu  bil-limitazzjonijiet tagħna, l-iżbalji u d-dnubiet tagħna, imma wkoll nersqu quddiemu bis-suċċessi tagħna u bil-ferħ għax nafu li hu qiegħed magħna.
Il-persuni kkonsagrati mhux imsejħa biex jieħdu post il-Mulej billi jagħmlu ħafna attivitajiet. “Dak li hu mitlub minna hu li naħdmu miegħu, u ma ninsew qatt li aħna ma neħdulux postu”.
Il-Papa Franġisku qal li t-tieni virtù hi li l-persuna kkonsagrata tgħix is-sejħa.
Laqgħa ma’ Kristu tibdlilna ħajjitna u toħloq “il-qabel” u “l-wara”. “Jekk ninsew is-siegħa tas-sejħa, ifisser li ninsew l-oriġini, l-għeruq, u jekk nitilfu dawn l-affarijiet bażiċi, nitilfu l-aktar parti prezzjuża tal-ħajja kkonsagrata tagħna: il-ħarsa t’Alla”.
Hu qal li s-sejħa vokazzjonali “hi sejħa ta’mħabba biex imbagħad aħna nħobbu min-naħa tagħna u nservu”.
Il-Papa qal li l-aħjar mod li wieħed jgħix il-vokazzjoni tiegħu hi li jgħix il-fidi kif għallmuhielna ommijietna u n-nanniet, kif qal San Pawl lil Timotju. Wissiehom biex ma jsirux ‘professjonisti tal-qdusija’ billi jinsew lil nieshom u l-għeruq tagħhom.
“Inħeġġiġkom biex ma tinsewx u wisq anqas  tinjoraw il-fidi sempliċi u b’saħħitha tan-nies tagħkom”.
Fl-aħħarnett, Papa Franġisku qal li vokazzjoni li ngħixuha billi nżommu f’moħħna meta saritilna s-sejħa, twassalna bla dixxipli ta’ Kristu biex ngħixu ‘ferħ kontaġġjuż’.
Il-fidi f’Alla hi kontaġġjuża, ma tistax tinżamm moħbija jew imxekkla. Il-ferħ li nsibu lil Ġesu’ “jiftaħna għall-oħrajn, hu ferħ li rridu naqsmu ma’ oħrajn”.
Il-Papa wissa kontra l-frammentazzjoni jew l-iżolament li nistgħu nsibu anke fil-komunitajiet reliġjużi. “Aħna msejħa biex inkunu bennejja tal-għaqda u l-unjoni. Dan ifisser niddixxernu dak li kulħadd għandu x’joffri, nirrispettaw id-differenzi u nagħrfu l-kariżmi fi ħdan il-Knisja għax nafu li filwaqt li kull wieħed jew waħda minnha jikkontribwixxi dak li għandu, aħna għandna bżonn ukoll lil ħaddieħor”.
Fl-aħħarnett il-Papa qal liż-żgħażagħ reliġjużi tal-Perù biex jsimgħu l-istejjer ta’ fidi tal-antenati tagħhom. Hu temm billi semma proverbju Afrikan li kien sema’ minn Nunzju Apostoliku li għal xi żmien kien akkreditat għal dak il-kontinent. “Iż-żgħażagħ jafu jiġru, iżda l-anzjani jafu t-triq”.