Il-Papa jappella lill-President Russu, “aħdem b’sinċerità għall-paċi fl-Ukraina”

Il-Papa Franġisku appella lill-President Russu Vladimir Putin biex jagħmel sforz kbir u sinċier biex ikun hemm il-paċi fl-Ukraina.
Waqt laqgħa bejn il-Papa u l-President Russu fil-Vatikan, li damet madwar 50 minuta, intlaħaq qbil li terġa’ tinħoloq klima ta’ djalogu fl-Ukraina u biex jiġi implimentat il-ftehim ta’ paċi li tfassal biex jieqaf il-ġlied bejn il-forzi tal-Gvern Ukren u r-ribelli favur ir-Russja.
Il-Papa qal lil Putin li hu essenzjali biex tiġi riżolta s-sitwazzjoni umanitarja fl-Ukraina u li tingħata għajnuna f’żoni ta’ kunflitt.
Tkellmu wkoll dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, b’mod partikolari dwar is-Sirja u l-Iraq, fejn il-minoritajiet insara qed jiġu mhedda.
Putin wasal għal laqgħa mal-Papa aktar minn siegħa tard. Hu kien għadu kif ħalla Milan fejn iltaqa’ mal-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi.
Il-laqgħa bejn iż-żewġ mexxejja, saret jiem biss wara li l-aggressjoni tar-Russja fl-Ukraina ġiet diskussa fis-summit tal-G7 fil-Ġermanja.
Din kienet it-tieni laqgħa bejn il-Papa u Putin. L-ewwel darba li ltaqgħu kien f’Novembru tal-2013, meta kellhom laqgħa ta’ 35 minuta, li kienet deskritta bħala kostruttiva u kordjali.