Il-Papa jappella lill-poplu Ġappuniż biex jipproteġi l-ħajja

Iċ-cherry-blossom - fjura li għall-Ġappuniżi tissimbolizza l-ħajja

Ftit jiem biss qabel iżur il-Ġappun bħala parti mill-Vjaġġ Apostoliku li jmiss, il-Papa Franġisku bagħat messaġġ lill-poplu Ġappuniż li fih appella biex tkun protetta kull ħajja u jitolbu biex kollox imur sew fiż-żjara li se jagħmilhom.

Il-Papa kellu kliem ta’ ħbiberija għal dan il-poplu u ġedded it-tema tal-vjaġġ li se jagħmel bejn it-23 u s-26 ta’ dan ix-xahar, li hi “Nipproteġu l-Ħajja Kollha”.

Fil-messaġġ  permezz ta’ video li bagħat nhar it-Tnejn, il-Papa qal li dan l-istint protettiv għall-ħajja għandu post speċjali f’qalbna u b’mod partikolari fid-dawl tat-theddid għall-koeżistenza paċifika li ġejjin mill-ħafna kunflitti armati.

“Pajjiżkom jaf tajjeb it-tbatija kaġnata mill-gwerra. Flimkien magħkom jien nitlob li l-qawwa distruttiva tal-armi nukleari, ma terġa’ tintuża qatt fl-istorja tal-bniedem”.

 U biex jenfasizza dan il-punt il-Papa iddikjara: “L-użu tal-armi nukleari hu immorali”.

Djalogu u Fraternità

Il-Qdusija Tiegħu qal li l-poplu tal-Ġappun jagħrfu l-valur tad-djalogu fost it-tradizzjonijiet reliġjużi, li qal li “jista’ jirbaħ il-firda, iġib ‘l quddiem ir-rispett għad-dinjità umana u l-iżvilupp integrali tal-popli kollha.”

Fil-messaġġ tiegħu l-Papa rrifletta wkoll dwar il-paċi vera. “Il-paċi hi sabiħa. U meta tkun paċi vera, ma terġax lura: tiddefendi lilha nnifisha bis-saħħa”.

Il-Papa qal lil-Ġappun hu mbierek bi “sbuħija naturali kbira” li waqt iż-żjara tiegħu jkollu l-opportunità li japprezza.

Element naturali ta’ tifsira partikolari fil-kultura Ġappuniża hi l-fjura “cherry blossom” li tissimboliżża s-sbuħija tal-ħajja imma hi wkoll fjura fraġli.

Fl-aħħar tal-messaġġ il-Papa irringrazzja lil dawk kollha li qed iħejju għaż-żjara tiegħu u assigurahom mit-talb tiegħu għal kull waħda u wieħed minnhom.