Il-Papa jappella lill-Musulmani biex jikkundannaw l-estremiżmu

Il-paċi u l-ħarsien tad-dinjità tal-bniedem kienu għal darb’oħra l-qofol tad-diskors tal-Papa Franġisku, din id-darba f’udjenza mal-korp diplomatiku akkreditat għas-Santa Sede.
Waqt li lissen dawk li huma t-temi jaħarqu fix-xena internazzjonali fil-mument, il-Papa appella biex kull pajjiż joffri qafas ta’ liġijiet li jħarsu lill-bniedem fit-totalità tiegħu waqt li jħaddan dejjem iktar kultura ‘l bogħod mir-rimi tal-persuna u ta’ Alla.
Għalkemm irrefera għal xi diffikultajiet f’pajjiżi fl-Afrika u fl-Amerika t’Isfel, il-Papa tkellem b’enfasi dwar suġġetti li sfaw fl-aħbarijiet internazzjonali fl-aħħar ġimgħat, ewlieni fosthom it-terroriżmu fundamentali u l-gwerer, li qed “jarmi lil Alla u jdawru fi pretest ideoloġiku”.
Hawnhekk appella lill-komunità internazzjonali kollha biex tieħu passi konkreti biex iġġib il-paċi.
Minkejja li mhux speċifikament għal dak li seħħ f'Pariġi fl-aħħar jiem, il-Papa Franġisku ħeġġeġ b’mod qawwi lill-mexxejja reliġjużi, politiċi u intellettwali, speċjalment dawk Musulmani, biex jikkundannaw "kull interpretazzjoni ta’ reliġjon li tkun fundamentalista u estremista li tipprova tiġġustifika l-vjolenza".
Il-Papa rringrazzja lil dawk li qed jgħinu lil min hu marid bl-Ebola u lit-tfal li qed jispiċċaw orfni waqt li appella lill-pajjiżi biex jipprovdu l-assistenza meħtieġa lill-pazjenti u biex ikomplu jiġġieldu din il-marda.
Dwar l-immigrazzjoni, il-Papa Franġisku xebbaħ lil dawk fl-Afrika u fl-Amerika t’Isfel mal-Familja Mqaddsa li kellha taħrab lejn l-Eġittu minħabba l-kefrija ta’ Erodi. Qal li llum, ħafna huma dawk ukoll li m’għandhomx għażla jitilqux minn pajjiżhom għax qed jiffaċċjaw mewta ċerta.
Waqt li rringrazzja lil dawk li jgħinu lir-refuġjati u lill-immigranti, anke billi jħallsu l-prezz ta’ ħajjithom, il-Papa Franġisku appella biex tinbidel l-attitudni ta’ dawk f’pajjiżi li jilqgħu l-immigranti, minn waħda ta’ indifferenza għal waħda li ġenwinament taċċetta lil ħaddieħor.
Semma dawk li sejjaħ bħala “eżilji moħbija” u li jsofru anzjani u persuni b’diżabilità mhux aċċettati u żgħażagħ li ma jistgħux igawdu d-dinjità ta’ xogħol xieraq.
Fl-istess ħin, il-Papa rringrazzja lil Alla għal sena li matulha ssokta d-djalogu bejn pajjiżi u kulturi differenti waqt li esprima t-tama li fid-dinja titkompla l-ħidma biex ikun hemm relazzjoni ċivili u pożittiva bejn ċittadini differenti. Semma wkoll li fl-2014 is-Santa Sede laħqet ftehim bilaterali ġodda, fosthom ma' Malta.
Fakkar li din is-sena se jitfakkar is-70 anniversarju mit-twaqqif tan-Nazzjonijiet Magħquda, li ġiet iffurmata wara l-kefrija tat-Tieni Gwerra Dinjija li ħalliet miljuni ta’ nies mejta.