Il-Papa jappella lill-Isqfijiet Ġermaniżi għal qbil unanimu dwar proposti pastorali

F’laqgħa li saret fil-Vatikan nhar il-Ħamis li għadda, uffiċjali għolja tal-Vatikan u membri tal-Konferenza Episkopali Ġermaniża iddiskutew linji gwida pastorali li kienu tħabbru fi Frar li għadda u li potenzjalment kienu jwessgħu l-permess biex Insara mhux Kattoliċi li huma miżżewġa ma’ Kattoliċi jkunu jistgħu jitqarbnu.
Stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan qalet li l-laqgħa saret f’”atmosfera kordjali u fraterna”.
L-Isqfijiet Ġermaniżi kienu msejħa biex imorru Ruma mill-Papa Franġisku “wara li numru mhux żgħir ta’ Isqfijiet opponew dawn il-linji gwida. Seba’ Isqfijiet Djoċesani appellaw lill-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, il-Kunsill Pontifiċju li Jippromwovi l-Għaqda fost l-Insara u l-Kunsill Pontifiċju għat-Testi Leġislattivi, biex jikkjarifika dawn il-linji gwida.
Waqt din il-laqgħa, l-Arċisqof Luis Ladaria, Prefett tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, spjega li l-Papa Franġisku “japprezza l-impenn ekumeniku tal-Isqfijiet Ġermaniżi” u jitlobhom biex “possibbilment isibu arranġament  unanimu”.
L-istqarrija tal-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan tgħid li tul il-laqgħa kienu diskussi diversi veduti u opinjonijiet dwar, ngħidu aħna, kif l-estensjoni tal-permess biex dawk mhux Kattoliċi jitqarbnu jirrelata mal-fidi u mal-kura pastorali; ir-relevanza ta’ dan għall-Knisja universali; u diversi aspetti ġuridiċi oħra tal-kwestjoni.
“L-Arċisqof Ladria issa għandu jinforma lill-Qdusija Tiegħu l-Papa dwar il-kontenut ta’ din il-laqgħa”, tgħid l-istqarrija.
Għal-laqgħa li saret fl-uffiċċji tal-Kongregazzjoni tal-Fidi kienu preżenti l-Kardinal Reinhard Marx, li hu l-President tal-Konferenza Episkopali Ġermaniża, il-Kardinal Rainer Maria Woelki, Arċisqof ta’ Cologne, l-Isqof Felix Genn, l-Isqof Karl Heinz Wiesmann, l-Isqof Rudolf Voderholzer, l-Isqof Gerhard Feige u Fr. Hans Langendorfer SJ, Segretarju tal-Konferenza Episkopali.
Is-Santa Sede, barra mill-Arċisqof Ladaria, kienet irrappreżentata wkoll mill-Kardinal Kurt Koch, Mons. Markus Graulich, salesjan u Sottosegretarju tal-Kunsill Pontifiċju għat-Testi Leġislattivi, u Fr. Hermann Geissler, Kap tal-Uffiċċju tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi.