Il-Papa jappella lill-Isqfijiet Ġappuniżi biex ikunu xhieda tal-Evanġelju u jipproteġu l-ħajja

Il-Papa jindirizza lill-Isqfijiet Ġappuniżi fin-Nunzjatura Apostolika f’Tokyo (ANSA)

Il-Papa Franġisku ħeġġeġ lill-komunità Kattolika żgħira Ġappuniża biex tagħti xhieda lil Alla kuljum billi tipproteġi l-ħajja u tipproklama l-Evanġelju tal-kumpassjoni u l-ħniena. Il-Papa ltaqa’ mal-Isqfijiet Ġappuniżi nhar is-Sibt li għadda fin-Nunzjatura Apostolika f’Tokyo.

Hu fakkar lill-Isqfijiet li l-motto taż-żjara tiegħu fil-pajjiż hu “Nipproteġu l-ħajja u fil-fatt issuġerixxa modi ta’ kif nagħtu xhieda tal-fidi u nservu l-ħajja.

Xhieda tal-fidi

Il-Papa Franġisku svela l-imħabba tiegħu lejn il-Ġappun u qal li bħala Ġiżwita żagħżugħ fl-Arġentina xtaq ħafna jmur missjunarju f’dan il-pajjiż.  Illum din il-ħolma twettqet u kien fost il-poplu Ġappuniż bħala pellegrin missjunarju fuq il-passi ta’ nies kbar li taw xhieda tal-fidi tagħhom, bħal San Franġisk Saverju, li 470 sena ilu wassal il-Kristjaneżmu f’dan il-pajjiż.

Il-Papa semma wkoll lill-martri San Pawl Miki u sħabu, il-Beatu Justo Takayama Ukon u “l-insara moħbija” li minkejja t-tiġrib u l-persekuzzjoni żammew il-fidi ħajja għal ġenerazzjonijiet sħaħ.

Nipproteġu l-ħajja

Il-Papa faħħar lill-Knisja fil-Ġappun u qal li d-DNA tal-komunitajiet tagħha jidher mix-xiehda ta’ Kristu li jagħtu fil-ħajja ta’ kuljum, li turihom it-triq ‘l quddiem.

Skont il-Papa, li tipproteġi l-ħajja kollha jfisser, l-ewwel u qabel kollox li tkun kapaċi tħobb il-ħajja tal-poplu kollu fdat lilek u tagħraf li din hi rigal minn Alla.

Li tipproteġi l-ħajja kollha u tipproklama l-Evanġelju m’humiex separati jew opposti għal xulxin; anzi għandhom bżonn lil xulxin. It-tnejn jitolbu li nkunu viġilanti għal kull ħaġa li tista’ tfixkel l-iżvilupp integrali tal-popli.

Ix-Xintuisti u l-Buddisti jiffurmaw il-popolazzjoni Ġappuniża ta’ 126.7 miljuni. Il-Kattoliċi huma biss 0.42%.  Il-Papa seħaq li dan m’għandux inaqqas mill-impenn tal-Knisja għall-Evanġeliżazzjoni permezz ta’ xiehda umli ta’ kuljum u ftuħ għad-djalogu ma’ reliġjonijiet oħra.

F’dan ir-rigward il-Papa esprima l-apprezzament tiegħu għall-ospitalità u l-kura li l-Knisja fil-Ġappun qed turi mal-ħafna ħaddiema barranin li mhux biss hi xiehda tal-Evanġelju fis-soċjetà Ġappuniża imma tixhed ukoll l-universalità tal-Knisja.

Tama, fejqan u rikonċiljazzjoni

“Knisja li tagħti xiehda tista’ titkellem b’libertà akbar, speċjalment fuq suġġetti bħalma huma l-paċi u l-ġustizzja fid-dinja”, qal il-Papa filwaqt li reġa’ appella  għad-diżarm nukleari.

Papa Franġisku qal li t-tbatija kaġunata miż-żewġ bombi nukleari, u d-diżastru ta’ terremot qawwi li kkaġuna tsunami li wassal għall-isplużjoni ta’ impjant nukleari f’Fukushima, ifakkruna b’mod ċar fid-dover uman u Kristjan tagħna li ngħinu lil dawk bi problem fil-ġisem u l-ispirtu u li noffru lil kulħadd il-messaġġ ta’ tama, fejqan u rikonċiljazzjoni tal-Evanġelju.

Għalhekk il-Papa nkoraġixxa l-isofrzi tal-Isqfijiet Ġappuniżi biex jassiguraw li l-komunità Kattolika tagħti xiehda qawwija tal-Evanġelju fost il-popolazzjoni kollha. Hu nnota li l-apostolat edukattiv tal-Knisja li hu rispettat ħafna fil-Ġappun hu riżorsa kbira ta’ Evanġeliżazzjoni għal kurrenti intellettwali u kulturali kbar.

Mard Soċjali

F’dan l-ispirtu il-Papa nkoraġixxa l-Knisja biex tindirizza l-mard soċjali gravi tal-pajjiż bħalma huma s-solitudni, id-disperazzjoni, l-iżolament, is-suwiċidju, l-ibbuljar u forom ġodda ta’ aljenazzjoni u diorjentament spiritwali, li jolqtu b’mod partikolari liż-żgħażagħ.