Il-Papa jappella lill-insara biex jisimgħu l-karba tal-fqir

Read in English.

Fil-messaġġ tiegħu għall-Jum Dinji tal-Foqra li se jkun iċċelebrat għat-tieni darba fit-18 ta’ Novembru li ġej bit-tema”Dan ir-raġel sejjaħ u l-Mulej semgħu”, il-Papa Franġisku jikkwota s-Salm 34  u talab lill-insara biex huma wkoll jisimgħu l-karba tal-fqir u jaġixxu.

Il-messaġġ li kien ippubblikat mill-Vatikan nhar il-Ħamis, il-Papa qal li “l-ewwelnett aħna nafu li l-Mulej jisma’ lill-fqir li jsejjaħlu u hu twajjeb ma’ dawk li jirrikorru għandu b’qalbhom maqsuma bid-dwejjaq, is-solitudni u l-esklużjoni.  Il-Mulej jisma’ lil dawk li tilfu d-dinjità u xorta waħda kapaċi jerfgħu ħarsithom ‘il fuq biex jirċievu d-dawl u s-serħan. Hu jisma’ lil dawk li huma ppersegwitati f’isem ġustizzja falza, jew dawk li huma oppressi minn politika li ma jixirqilhiex tissejjah politika jew li huma intimidati bil-vjolenza”, qal il-Papa.

Huwa rrifera għas-Salm 34 u spjega t-tliet verbi li hemm fih.

Li ssejjaħ: Il-faqar ma tistax tesprimih b’kelma waħda imma jsir karba li ssejjaħ lil Alla. U x’tesprimi l-karba tal-fqir jekk mhux it-tbatija u s-solitudni, id-delużjoni u t-tama?

Li twieġeb: “Alla, jgħidilna s-Salmista mhux biss jisma’ l-karba tal-fqir, imma jwieġeb għaliha. Ir-risposta tiegħu, kif tixhed l-istorja kollha tas-salvazzjoni, hi li hu b’imħabba kbira jaqsam mal-fqar il-kundizzjoni tagħhom”.

Li jeħles: “Il-foqra tal-Vanġelu jgħixu biċ-ċertezza li Alla se jinterċedi favur tagħhom biex jerġgħu jiksbu d-dinjità. Il-faqar ma jiġix waħdu imma hu kkawżat mir-rgħiba, l-egoiżmu u l-inġustizzja”.

Il-messaġġ tal-Papa jinkoraġġixxi lill-insara biex jisimgħu l-karba, jagħrfuha u noqogħdu attenti li ma nparlawx ħafna aħna biex ma nisimgħuhiex. Hu wera tħassib li numru ta’ inizjattivi li fihom infushom huma meritevoli u meħtieġa, isiru aktar biex jogħġbu lil min jagħmilhom milli biex verament jisimgħu l-karba tal-fqir.

“Inqbadna f’kultura li ggiegħlna nħarsu fil-mera u noqogħdu nfissdu lilna nfusna u niftaħru u nemmnu li sempliċi ġest altruista hu biżżejjed bla ma nikkompromettu lilna nfusna direttament.” Il-messaġġ jinkoraġġixxi spirtu ta’ ferħ u biex nużaw il-Jum Dinji tal-Foqra bħala opportunità biex ninġabru u nitolbu flimkien bħala komunità.

“Nistieden lil ħuti l-Isqfijiet, saċerdoti u partikolarment lid-djakni li jdejhom huma mbierka għas-servizz tal-foqra, kif ukoll lir-reliġjużi u lil-lajċi biex fil-parroċċi, l-assoċjazzjonijiet u l-movimenti ekkleżjastiċi biex juru r-risposta tal-Knisja b’mod tanġibbli lill-foqra u jgħixu dan il-Jum bħala mument speċjali ta’ Evanġelizzazzjoni. Il-foqra jevanġelizzawna u jgħinuna niskopru kuljum is-sabiħ tal-Evanġelju. Ejja ma naħlux din l-opportunità ta’ grazzja.