Il-Papa jappella lill-awtoritajiet tal-Kongo biex iwaqqfu l-vjolenza

Il-Papa Franġisku appella lill-awtoritajiet tar-Republika Demokratika tal-Kongo biex jagħmlu dak kollu possibbli biex jevitaw kull forma ta’ vjolenza fil-pajjiż.
“Nitlob lill-awtoritajiet u lil dawk responsabbli u lill-poplu ta’ dan il-pajjiż maħbub li jimpenjaw ruħhom bis-serjetà u jagħmlu sforz biex jevitaw kull forma ta’ vjolenza u jfittxu soluzzjonijiet li jkunu għall-ġid tal-komunità u tal-poplu kollu”.
Dan l-appell il-Papa għamlu waqt l-Angelus tal-Ħadd li għadda meta kien qed item iż-żjara appostolika tiegħu fil-Perù.
Fl-aħħar jiem il-pulizija fil-Kongo użaw il-gass tad-dmugħ u sparaw biex jifirxu eluf ta’ dimostranti.
F’dawn l-inċidenti nqatlu ħames persuni filwaqt li għexieren oħra sfaw feruti.
Il-Knisja Kattolika fil-pajjiż kienet għamlet sejħa biex isiru protesti paċifiċi fil-pajjiż iżda l-gvern waqqaf dawn il-protesti bl-użu tal-forza.
Il-Papa stieden ukoll lill-Peruvjani biex jagħmlu kuraġġ u jimxu fuq l-eżempji tal-qaddisin li toffrilhom il-Knisja f’pajjiżhom.
"Il-ħafna diffikultajiet tal-ħajja jistgħu jaqtgħulna qalbna, imma jekk wieħed iħares lejn il-qaddisin, fosthom San Martin De Porres, jagħmel il-kuraġġ u jibqa’ għaddej. L-eżempju ta’ dawn il-qaddisin juri li Alla jħobbna kif aħna, bla ebda falsifikazzjoni u tibdil.
Naf  li lkoll nieħdu gost naraw ritratti diġitali li jistgħu jkunu rranġati u mbagħbsa, imma dak jista’ jsir biss fl-istampi. Ma nistgħux nużaw il-photoshop fuq l-oħrajn, fuq id-dinja u wisq anqas fuqna stess”.
Il-Papa qal lill-Peruvjani li “il-qalb ma nistgħux immissuha bil-photoshop għax hemm insibu l-imħabba awtentika u l-ferħ ġenwin.
Ġesù jħobbok kif int u għandu ħolma għal kull wieħed u waħda minnha”, temm jgħid Papa Franġisku.