Il-Papa jappella għat-talb għal min qed imexxi

REUTERS/Remo Casilli

Hekk kif l-Organizazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) din il-ġimgħa ħabbret li l-virus tal-Coronavirus kienet pandemija u l-pajjiżi li qed jintlaqtu żdiedu, il-Papa Frangisku talab in-nies biex jitolbu għall-mexxejja tal-pajjiżi u uffiċjali tal-Gvern madwar id-dinja li f’dawn iż-żminijiet iridu jieħdu deċiżjonijiet diffiċli u li xi wħud idejqu n-nies imma huma meħtieġa.

F’dawn l-aħħar ġranet il-Papa ta’ kull jum qed jagħmel riferiment għal dawk milquta b’xi mod jew ieħor mill-Coronavirus.

Fl-aħħar quddiesa tiegħu, il-Papa qal li hemm bżonn wieħed ikompli jitlob għall-morda, il-qraba tagħhom, il-ġenituri maqfula d-dar bit-tfal imma l-aktar l-awtoritajiet. Awtoritajiet qal il-Papa li jridu jagħmlu ħafna deċiżjonijiet iebsa f’temp qasir imma li huma għall-ġid komuni tal-poplu.

Ħafna drabi żied il-Papa, dawn jispiċċaw iżolati minħabba d-deċiżjonijiet li qed jagħmlu u mhux kulħadd ikun qed jifhem għaliex qed jagħmlu dak li jagħmlu. Għalhekk qal hemm bżonn it-talb għalihom biex ikunu akkumpanjati minnhom f’dawn iż-żminijiet diffiċli.