Il-Papa jappella għat-talb għal dawk li kellhom jitilqu djarhom minħabba l-gwerer

Refuġjati jippruvaw jgħaddu minn max-Xmara Meric biex jaslu fit-territorju Grieg f’attentat biex jaslu l-Ewropa. (ANSA)

Nhar il-Ħadd li għadda waqt it-talba tal-Angelus il-Papa Franġisku apella biex isir talb għall-ħafna persuni li kellhom jaħarbu minn djarhom – emigranti u refuġjati – biex jaħarbu minn gwerer li huma miġġielda madwar id-dinja.

“Jien imdejjaq bl-aħbarijiet ta’ tant persuni, irġiel, nisa u tfal li minħabba l-gwerrer m’għandhomx dar fejn jgħixu għax kellhom jaħarbu minn arthom.”

Hu qal li ħsibijiet jmorru fuq mijiet ta’ eluf ta’ emigranti madwar id-dinja, li qed ifittxu refuġju u għajnuna. F’dawn il-jiem reġa’ hemm ħafna aħbarijiet  dwar dawn in-nies u għalhekk “Ejja nitolbu għalihom”.

Dan l-appell tal-Papa sar hekk kif mijiet ta’ emigrant huma rappurtati li qed jersqu lejn il-fruntiera bejn it-Turkija u l-Greċja u eluf oħra nġabru fuq il-fruntiera Torka biex jippruvaw jidħlu wara li Ankara – il-kapitali Torka – taffiet xi ftit ir-restrizzjonijiet fuq il-movimenti tagħhom.

Mill-anqas 500 persuna waslu bil-baħar fuq tliet gżejjer Griegi qrib il-kosta Torka f’temp ta’ ftit siegħat nhar il-Ħadd filgħodu.

Aktar ‘l fuq, gruppi ta’ persuni qasmu xmara fuq in-naħa tal-Greċja. Fost dawn kien hemm mara mill-Afghanistan b’tarbija ta’ appena ħamest ijiem.

Nhar il-Ħamis it-Turkija qalet li mhux se tibqa’ żżomm mijiet ta’ eluf ta’ persuni li qed ifittxu ażil milli jitilqu lejn l-Ewropa minkejja ftehim li kienet iffirmat mal-Unjoni Ewropea fl-2016 biex twaqqaf lil dawn in-nies milli jitilqu mit-territorju Tork.  Ma’ din l-aħbar eluf ta’ persuni irħewla lejn il-fruntieri li t-Turkija għandha mal-Greċja li hi membru tal-Unjoni Ewropea.