Il-Papa jappella għar-rispett, għad-dinjità, u għad-drittijiet umani

Il-Papa Franġisku jkellem lil ambaxxaturi ġodda għall-Vatikan

Waqt li kien qed ikellem għaxar ambaxxaturi ġodda li kienu akkreditati għall-Vatikan, fosthom l-ambaxxatur Malti, il-Papa Franġisku kkonferma l-impenn tal-Knisja li “taħdem ma kull imsieħeb possibbli biex tipproponi soluzzjonijiet konkreti għal problemi umanitarji biex ikunu mħarsa l-ħajjiet u d-dinjità umana, tittaffa t-tbatija u jkun hemm żvilupp integrali uman awtentiku”.

L-ambaxxaturi l-ġodda ġejjin mill-Isvizzera, Malta, l-Bahamas, Cape Verde, l-Islanda, l-Gambia, il-Qatar, l-Estonia, it-Turkmenistan u l-Grenada. Ħadd minnhom ma hu residenti l-Italja għax il-pajjiżi rispettivi m’għandhomx ambaxxata għall-Vatikan. Huma ppreżentaw il-kredenzjali f’ċerimonja li saret nhar il-Ħamis li għadda. Din kienet l-ewwel darba li l-Bahamas u t-Turkmenistan ħatru ambaxxatur għall-Vatikan.

Fl-indirizz tiegħu l-Papa Franġisku fakkar li din is-sena jaħbat il-100 anniversarju minn tmiem l-Ewwel Gwerra Dinjija li l-predeċessur tiegħu, il-Papa Benedittu XV ddeskriva bħala “qtil bla sens”. Papa Franġisku awgura li l-lezzjonijiet li ttieħdu miż-żewġ gwerrer kbar tas-seklu 20 jikkonvinċu lid-dinja u l-mexxejja tagħha li l-gwerer ma jiswew għal xejn u li l-kunflitti jiġi riżolti biss bil-paċenzja, id-djalogu u n-negozjati.

Il-Papa nnota wkoll li din is-sena jaħbat is-70 anniversarju tad-Dikjarazzjoni Universali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet Umani. Dan id-dokument “għandu jkompli jiggwida l-isforzi tad-diplomazija internazzjonali għall-paċi fid-dinja u nippromwovu l-iżvilupp integrali uman tal-popli kollha”.

“Ir-rispett għad-dinjità umana u d-drittijiet tal-bniedem, għandhom jispirawna u jidderieġu l-isoforzi tagħna biex nidirizzaw l-isfidi tal-kunflitti armati, il-faqar, id-diskriminazzjoni, l-inugwaljanza u l-kriżi tal-emigrazzjoni tal-masses”, temm jgħid Papa Franġisku.