Il-Papa jappella għall-protezzjoni tad-drittijiet u d-dinjità umana

Il-Papa f'laqgħa mal-ambaxxaturi ġodda akkreditati għall-Vatikan. Copyright: Vatican Media

“Il-Knisja Kattolika hi mpenjata li tikkoopera ma’ kull imsieħeb responsabbli biex iġġib ‘l quddiem il-ġid ta’ kull persuna u tal-popli kollha”.

Il-Papa Franġisku għamel din id-dikjarazzjoni lil numru ta’ ambaxxaturi ġodda akkreditati għall-Vatikan li ppreżentawlu l-kredenzjali tagħhom nhar il-Ħamis li għadda.  L-Ambaxxaturi l-ġodda hum mis-Seychelles, il-Mali, Andorra, il-Kenya, Latvia u n-Niger.

Il-Kap tal-Knisja Kattolika qal lill-ambaxxaturi li din il-laqgħa kienet qed issir waqt li d-dinja qed tipprepara biex tiċċelebra it-twelid ta’ dak li nsejħulu il-Prinċep tal-Paċi. Il-familja umana kollha taspira għall-paċi. Din hi mixja ta’ tama bażata fuq id-djalogu, r-rikonċiljazzjoni u l-konverżjoni ekoloġika.

Djalogu kostruttiv

F’dinja li sfortunatament hi karaterizzata minn kunflitti ċivili, reġjonali u internazzjonali hemm bżonn li jkun hemm djalogu kostruttiv u kreattiv, bażat fuq l-onestà u l-verità biex ikun hawn aktar solidarjetà bejn l-individwi u fil-komunità internazzjonali.  Min-naħa tagħha l-Knisja hi kommessa ma’ kulmin iġib ‘l quddiem il-ġid ta’ kulħadd.

Il-Papa qal li jittama li l-ħidma tal-ambaxxaturi l-ġodda tikkontribwixxi għall-konsolidament tar-relazzjonijiet tajba li jeżistu bejn il-Vatikan u l-pajjiżi rispettivi tal-ambaxxaturi u fil-bini ta’ dinja aktar ġusta u fil-paċi fejn il-ħajja umana, id-dinjità u d-drittijiet ta’ kulħadd ikunu rispettati u mtejjba.

It-triq tal-paċi tibda billi nkunu miftuħa għar-rikonċiljazzjoni “li titlob li nirrinunzjaw għax-xewqa tagħna li niddominaw lill-oħrajn u naraw lil xulxin bħala ulied Alla”.  Hu biss meta nwarrbu d-differenzi u l-biża’ li jista’ jkollna klima ta’ rispett reċiproku. Dan iwassal biex tkun żviluppata kultura ta’ inklużjoni, sistema ekonomika aktar ġusta u jinħolqu diversi opportunitajiet biex kulħadd jipprteċipa fil-ħajja soċjali u politika.

“Il-preżenza tagħkom hawn hi sinjal tar-rieda tal-pajjiżi li tirrappreżentaw u tal-komunità internazzjonali kollha, biex inwieġbu għall-inġustizzji, id-diskriminazzjoni, il-faqar u l-inugwaljanza li hawn fid-dinja u li qed jheddu t-tama u l-aspirazzjonijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri.

Triq imblukkata

“Qed naraw dejjem aktar, li t-tirq tal-paċi hi mblukkata min-nuqqas ta’ rispett għad-Dar Komuni tagħna u partikolarment bl-esplorazzjoni abbużiva tar-riżorsi naturali li huma meqjusa biss bħala sors ta’ profitt immedjat a spejjeż tal-komunitajiet lokali u tan-natura nnifisha. Id-dinja qed tiffaċċja serje ta’ sfidi kumplessi għas-sostenibilita tal-ambjent kemm għal issa kif ukoll għall-futur.

Papa Franġisku fakkar li s-Sinodu dwar l-Amazonia għamel sejħa biex ikun hemm apprezzament akbar għar-relazzjoni bejn il-komunita u l-art, bejn il-prżent u l-passat u bejn l-espejenza u t-tama.  Hemm bżonn urġenti ta’ Impenn għat-tmexxija responsabbli tad-dinja u r-riżorsi tagħha f’kul livell, mill-edukazzjoni  fil-familja għall-ħajja soċjali u ċivika u għad-deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi.

Il-ġid komuni u l-ġid tad-dar fejn ngħixu u jitolbu minnha sforz flimkien biex nassiguraw li l-ħajja u l-iżvilupp integrali ta’ kull membru tal-familja umana ikunu garantiti.