Il-Papa jappella għall-paċi u jwissi kontra l-indifferenza

Il-Papa Franġisku u l-mexxejja reliġjużi tar-reliġjonijiet ewlenin tad-dinja nġabru f’Ruma għal laqgħa internazzjonali u inter-reliġjuża għall-paċi, organizzata mill-Komunità ta’ Sant Eġidju. Preżenti waqt din il-laqgħa fil-Pjazza Kapitolina f’Ruma, kien hemm ukoll mexxejja politiċi li rċevew b’mod simboliku d-dokument ‘Appell għall-Paċi fl-2020’.

Intant, matul din l-okkażjoni, il-Papa Franġisku libes maskra għall-ewwel darba waqt funzjoni pubblika meta nhar it-Tlieta, hu u mexxejja reliġjużi oħra, attendew laqgħa ta’ talb għall-paċi madwar id-dinja.

Il-Papa libes maskra bajda waqt il-funzjoni fil-Bażilika ta’ Santa Marija f’Aracoeli f’Ruma. Qabel, huwa kien jilbes il-maskra biss fil-karozza li kienet tieħdu għall-udjenzi tiegħu ta’ kull ġimgħa fil-Vatikan.

Il-Papa Franġisku assuma t-ton tad-diskors tiegħu nhar it-Tlieta billi fakkar fil-laqgħa storika ta’ Assisi mixtieqa minn San Papa Ġwanni Pawlu II fis-27 ta’ Ottubru 1986, li fiha għall-ewwel darba fl-istorja tal-Knisja, il-Papa kien stieden lill-mexxejja ta’ reliġjonijiet oħra biex jingħaqdu miegħu fit-talb għall-paċi madwar id-dinja.

“Dawk li jemmnu, fehmu li d-differenzi reliġjużi ma jiġġustifikawx l-indifferenza jew il-mibgħeda. Pjuttost, fuq il-bażi tal-fidi reliġjuża tagħna, aħna nistgħu nkunu dawk li jġibu l-paċi, pjuttost milli nibqgħu passivi quddiem il-ħażen tal-gwerra u l-mibegħda,” qal il-Papa.

Għal din ir-raġuni, kompla jgħid, din il-ġabra hija ta’ kuraġġ “għall-mexxejja reliġjużi u għal dawk kollha li jemmnu, biex ikomplu jitolbu bil-ħeġġa għall-paċi, biex qatt ma jaċċettaw il-gwerra, iżda jaħdmu bil-qawwa ġentili tal-fidi biex jintemmu l-kunflitti.”

“Għandna bżonn il-paċi! Aktar paċi! Ma nistgħux nibqgħu indifferenti, ”appella l-Papa waqt li nnota li d-dinja għandha għatx profond għall-paċi.