Il-Papa jappella għall-paċi fl-Ecuador u s-Sirja

Morda u anzjani fost dawk li qed ikollhom jaħarbu minn djarhom fis-sirja

Nhar il-Ħadd li għadda, wara t-talba tal-Anġelus, il-Papa Franġisku qal lil dawk preżenti fi Pjazza San Pietru li kien qed isegwi bi tħassib kbir l-inkwiet soċjo-politiku fl-Ecuador u s-sitwazzjoni fis-Sirja u appella lil dawk involuti f’dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet biex ifittxu l-paċi filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari għal dawk l-aktar vulneabbli u f’rispett tad-drittijiet umani.

Il-Papa qal li flimkien mal-membri kollha tas-Sinodu dwar l-Amazonia li hu għaddej bħalissa, u partikolarment mal-Isqfijiet tal-Ecuador “qed insegwi bi tħassib dak li kien qed jiġri f’dan il-pajjiż f’dawn l-aħħar ġimgħat”.

Filwaqt li qal li jingħaqad fid-dulur għal dawk li nqatlu jew sfaw feruti, appella għat-talb u qal li se jafda lill-Ecuador fl-interċessjoni tal-Qaddisin li kien għadu kif ipproklama ftit tal-ħin qabel fil-Quddiesa.

Mill-anqas ħames persuni mietu fi protesti li qed isiru fl-Ecuador fl-aħħar ħmistax il-ġurnata filwaqt li kien hemm għexieren oħra li sfaw feruti jew kienu arrestati.

Il-bieraħ saru taħditiet bejn rappreżentanti tal-Gvern u rappreżentanti tal-poplu indiġeni, bit-tama li tieqaf din il-vjolenza.

Fil-protesti tagħhom in-nies qed jitolbu li jerġa’ jibda jingħata s-sussidju fuq il-petrol li l-Gvern neħħa bħala miżura ta’ awsterità.

Appell għad-djalogu fis-Sirja

Fl-istess okkażżjoni l-Papa ġedded l-appell tiegħu lill-partijiet involuti fl-offensiva militari li għaddejja bħalissa fit-Tramuntana tas-Sirja u lill-Komunità Internazzjonali biex “b’sinċerità, onestà u trasparenza, ifittxu t-triq tad-djalogu biex isibu soluzzjonijiet effettivi.”

Il-Papa Franġisku qal li ħsibijiet jmorru lejn il-Lvant Nofsani u “b’mod partikolari lejn il-maħbuba u martorjata Sirja, mnejn qed jaslu aħbarijiet drammatiċi dwar dak li qed jiġri lin-nies fit-Tramuntana tal-pajjiż li qed ikollhom jabbandunaw djarhom minħabba l-azzjonijiet militari”.

Il-Qdusija Tiegħu kien qed jirreferi għall-attakk mit-Torok fuq territorju Sirjan li hu f’idejn l-Forzi Demokratiċi Sirjani mmexxija mill-Kurdi.  L-offensiva tat-Torok  issa ilha sejra aktar minn ġimgħa u diġa’ nqatlu aktar minn 50 persuna ċivili fuq iż-żewġ naħat u aktar minn 130,000 persuna kellhom jaħarbu minn djarhom, fosthom ħafna familji nsara.