Il-Papa jappella għall-kontroll quddiem it-theddida ta’ gwerra

Follol imdawwra mat-tebut tal-Ġeneral Soleimani fil-belt Iranjana ta’ Ahvaz

Fid-dawl tal-eskalazzjoni tal-kriżi bejn l-Istati Uniti u  l-Iran, il-Papa Franġisku ħeġġeġ lin-nazzjonijiet biex jeżerċitaw kontroll u jfittxu d-djalogu.

“Il-gwerra ġġib biss imwiet u tifrik”.  Il-Papa qal dan il-kliem tat-twissija nhar il-Ħadd fi Pjazza San Pietru wara t-talba tal-Angelus.

Bla ma rrefera għall-ebda pajjiż speċifiku il-Papa qal li “hawn arja tqil ta’ tensjoni” f’diversi partijiet tad-dinja.

“Nappella lill-partijiet kollha biex irewwħu l-fjamma tad-djalogu u biex nikkontrollaw lilna nfusna ħalli nwarrbu d-dell tal-ġlied u l-gwerrer.

Hawnhekk il-Papa appella lil dawk preżenti biex jieqfu ftit u jitolbu skont l-intenzjonijiet tiegħu.

Tensjoni Iran-Stati Uniti

L-appella tal-Papa Franġisku sar wara li kibret sew it-tensjoni bejn l-Istati Uniti u l-Iran, wara l-attakk mill-ajru mill-Amerikan li fih inqatel Ġeneral Iranjan waqt li kien fl-Iraq.

Il-Ġeneral Qassem Soleimani kien il-Kmandant ta’ dik magħrufa bħala il-Forza Quds, fergħa tal-Gwardja Rivoluzzjonarja Islamika li hi responsabbli għal azzjonijiet militari ‘l barra mit-territorju Iranjan.

Il-qtil tal-Ġeneral Iranjan f’Bagħdad nhar il-Ġimgħa li għadda, kabbar it-theddida ta’ konfront dirett bejn l-Istati Uniti u l-Iran, biż-żewġ naħat iwissu lil xulxin.

Tħassib Iraqi

Sadattant il-Patrijarka tal-Knisja Kattolika, il-Kardinal Louis Rafael Sako esprima x-xokk kbir tal-poplu Iraqi għall dan il-qtil.

“Hu kundannabbli li pajjiżna jinbidel f’post ta’ tpattija fejn pajjiżi barranin ipattuha lil xulxin, minflok stat sovran li kapaċi jiddefendi artu, il-ġid u ċ-ċittadini tagħha”, qal il-Kardinal Sako.

Hu wkoll appella lill-pajjiżi kollha biex jimmoderaw, jaġixxu b’mod raġjonevoli u jpoġġu bil-qegħda u jfittxu ftehim.