Il-Papa jappella għall-imħabba lejn il-foqra

Il-Papa jkellem lill-impjegati tar-rivista "Aggiornamenti Sociali" (Vatican Media)

Ftit jiem ilu l-Papa Franġisku ltaqa’ ma’ uffiċjali u mpjegati tar-rivista Taljana ta’ kull ġimgħa “Aggiornamenti Sociali” li hi preparata mill-Ġiżwiti u nkoraġġihom biex ikollhom imħabba prefernzjali lejn il-foqra u biex jibnu pontijiet bejn in-nies billi jisimgħu, jiddjalogaw u jimxu flimkien.

Il-Papa nkoraġixxa lil dawk li jagħmlu riċerka u jirriflettu fuq problem soċjali biex ikollhom qalb ta’ ragħaj li jġorr ir-riħa tan-nagħaġ tiegħu u jkollhom kumpassjoni kif kellu Ġesù għall-foqra u dawk li qed isofru.

“Li tpoġġu lilkom infuskom fuq in-naħa tal-fqir ifisser li se tiltaqgħu mat-tbatija u l-inġustizzji imma wkoll se ssibu il-ferħ ġenwin u kontaġġjuż tal-Beatitudnijiet”, qal il-Papa lil madwar 50 ġurnalisti u kollaboraturi ta’ din ir-rivista.

“Aggiornamenti Sociali” beda jkun publikat fl-1950 mill-Ġiżwiti u l-ħaddiema tiegħu huma patrijiet u lajċi.  Il-Papa ta lil dawk preżenti diskors li kien ipprepara għalihom imma mbagħad flok mexa fuqu kellimhom aktar mill-qalb u ħeġġiġhom jibnu l-arti tad-djalogu u tas-smiegħ.

Nisimgħu

Is-smiegħ lill-oħrajn, qal il-Papa hi attitudni fundamentali ta’ kull min jixtieq jagħmel xi ħaġa għal ħaddieħor. Imma dan irid isir b’moħħ u qalb miftuħa u mingħajr ebda preġudizzju.

F’dan ir-rigward hu ddeplora l-preġudizzju li l-Ewropa qed tesperjenza Bħalissa fejn numru ta’ pajjiżi qed jagħlqu l-bibien tagħhom u qed naraw jirritornaw ideoloġiji antiki li kienu kaġun tat-Tieni Gwerra Dinjija.

Djalogu

Wara li nisimgħu jiġi d-djalogu li jqis ir-realtà u jfittex tweġibiet. Dan id-djalogu, nsista l-Papa, jibda bil-valuri tal-Evanġelju li għallem Ġesù bla ma nimponu dawn il-valuri b’mod dommatiku imma bi djalogu u dixxerniment. Skont Papa Franġisku, djalogu ġenwin minn nisrani, irid iħares lejn ir-realtà, jitlob u jiddixxerni t-triq ‘l quddiem “għax il-Mulej ikellimna permezz tar-realtà, it-talb u d-dixxerniment”.

“Qatt, qatt u qatt ma għandkom taħbu r-relatà”, insista, filwaqt li enfasizza li “ma hemmx ‘highways’ għall-evanġeliżazzjoni, imma toroq sempliċi u umli li jmexxuna ‘l quddiem”.

Dixxerniment

Fir-rimarki li kellu preparati, l-Papa Franġisku tkellem dwar l-importanza tad-dixxerniment biex norjentaw lill-membri tas-soċjetà lejn id-direzzjoni t-tajba. Dan nagħmluh billi nagħrfu u nimxu fuq il-vuċi tal-Ispirtu fil-livell personali, ċivili u ekklesjastiku.

F’oqsma bħalma huma l-intelliġenza artifiċjali, bijoetika, migrazzjoni, inugwaljanza, l-ekonomija, l-ambjent u l-ġid komuni, ir-rivista Aggiornamenti Sociali mhux biss għandha tagħti informazzjoni ta’ min joqgħod fuqha imma trid takkumpanja wkoll lill-qarrejja tagħha biex jitgħallmu kif jiġġudikaw u jimxi b’responsabbiltà akbar.

Il-Qdusija Tiegħu nkoraġixxa lir-rivista biex tilqa’ r-riżultati tar-riċerka xjentifika dwar il-fenomenti soċjali u tħares lejhom “bil-ħarsa ta’ dixxiplu u bl-istess kumpassjoni li Ġesù, l-Imgħallem, iħoss u juri għan-nies li qed isofru, għall-foqra u flimkien magħhom għad-dinja tagħna li qed titkisser”.

Fid-dixxerniment tal-fenomenti soċjali l-insara ma jistgħux jinjoraw l-għażla preferenzjali favur il-foqra. Fost l-aspetti pożittivi tal-“Aggiornamenti Sociali” hemm dak li tagħti spazju għall-perspettiva għal dawk “li huma mwarrba” billi tismagħhom u takkumpanjahom u tagħtihom vuċi.

Nimxu flimkien

Il-Papa spjega li d-dixxerniment soċjali ma jistax isir waħdu imma jrid jinvolvi lil dawk kollha li qed jimxu flimkien, iggwidati mill-Ispirtu s-Santu. Jitlob li tinbena relazzjoni u pontijiet, bil-kliem u bl-għemil, billi nisimgħu u nkunu lesti nitgħallmu u ninbidlu biex nilħqu mira komuni.

Hu ħeġġeġ lil min jaħdem f’din ir-rivista biex jiffoka fuq tliet oqsma.

L-ewwel iridu jintegraw lil dawk is-settur tas-soċjetà li jinsabu fil-periferija fejn faċli jkun hemm il-vittmi “tal-kultura tar-rimi”.  It-tieni għandhom jinkoraġixxu s-solidarjetà u l-laqgħa bejn il-ġenerazzjoni anzjana u dik żagħżugħa għax il-bidla soċjali mgħaġġla qed tirriskja li tofthom liż-żgħażagħ mill-passat u l-għeruq tagħhom. U t-tielet il-Papa nkoraġixxa il-laqgħat u l-azzjoni komuni bejn l-insara u dawk li jemmnu f’reliġjonijiet oħra u n-nies kollha ta’ rieda tajba.


 [MS1]