Il-Papa jappella għall-ħelsien ta’ sitt sorijiet maħtufa fin-Niġerja

Il-Papa Franġisku talab biex kemm jista’ jkun malajr jinħelsu sitt sorijiet kattoliċi li nħatfu fin-Niġerja aktar minn xahar ilu. Miegħu ngħaqdet il-Konferenza Episkopali tan-Niġerja li hu l-aktar pajjiż popolat fl-Afrika.
“Minn qalbi rrid ningħaqad mal-appell tal-Isqfijiet Niġerjani għall-ħelsien tas-sitt Sorijiet tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’ li nħatfu mill-kunvent tagħhom f’Iguoriakhi.  Qed nitlob għalihom b’insistenza u għal dawk kollha li jistgħu jsibu ruħhom f’din is-sitwazzjoni ta’ tbatija.  Nitlob li fl-okkażżjoni tal-Milied jitħallew jirritornaw lejn darhom”, appella l-Papa.
Il-Papa hawnhekk qal Ave Marija flimkien mal-poplu miġbur fi Pjazza San Pietru, għall-ħelsien ta’ dawn is-sorijiet.
Fil-lejl tat-13 ta’ Novembru nies armati daħlu fid-dar tan-novizzjat fejn kienu jgħixu tliet sorijiet u tliet novizzi, serqu kulma sabu, ħadu lis-sorijiet fuq speedboats li kellhom jistennewhom u telqu bihom minn fuq ix-xmara.  Rapporti qalu li dawn l-irġiel armati kien ilhom xi ġranet iħufu fl-inħawi tal-kunvent.  Huma kienu anke sparaw fuq pulizija li kienu qed isegwuhom u qatlu wieħed minnhom,
Fil-15 ta’ dan ix-xahar il-Konferenza Episkopali ħarġet stqarrija fejn qalet li “aġenti tad-dlam għadhom iżommu l-poplu tagħna permezz tal-ħtif, serq armat u attivitajiet oħra illegali u inumani. Aħna mbikkma u mweġġgħa li dawn is-sorijiet tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’ għadhom qed jinżammu ostaġġi wara li nħatfu aktar minn xahar ilu.  Nappellaw lil dawk li qed iżommuhom biex jeħilsuhom immedjatament”, appellaw l-Isqfijiet.
L-appell għall-ħelsien ta’ dawn is-sitt sorijiet sar wara li tliet sorijiet oħra din id-darba mill-Kongregazzjoni Marija Omm tal-Ħniena, inħelsu fl-14 ta’ Novembru wara li kien ilhom maħtufa jumejn.
Għalkemm ħadd ma ħa r-responsabbilta’ għall-ħtif tas-sitt sorijiet il-ħtif ta’ persuni li mbagħad jintalab ħlas għall-ħelsien tagħhom, qed iħaxxen il-bwiet ta’numru ta’ gruppi kriminali armati, fin-Niġerja.