Il-Papa jappella għall-għajnuna wara l-għarar fl-Indja

REUTERS/Sivaram V

Il-Papa appella għas-solidarjetà u l-għajnuna mill-komunità internazzjonali biex tgħin lil dawk affettwati mill-għarar f’Kerala fl-Indja.

Fl-Anġelus ta’ nahar il-Ħadd, il-Papa Franġisku flimkien ma’ dawk preżenti fi pjazza San Pietru talab għall-vittmi tal-għarar.

“F’dawn l-aħħar jiem l-abitanti ta’ Kerala ntlaqtu minn xita qawwija li ikkawżat għarar u tiġrif, li wasslu għal ħafna mwiet, b’ ħafna nies mitlufa u oħrajn sfurzati jitilqu minn darhom, ħsara lill-għelieqi u d-djar” qal il-Papa.

Aktar minn 350 persuna mietu filwaqt li aktar minn 600,000 ġew salvati u ttieħdu f’akkomodazzjoni ta’ emerġenza.

L-uffiċċju tat-temp wissa li nhar is-Sibt li għadda kien se jkun hemm iktar xita ta’ kategorija “ħamra”. Għaxtiet tal-eluf ta’ nies spiċċaw imsakkra fuq il-bjut ta’ djarhom u f’ċentri tal-komunità. Ħaddiema ta’ salvataġġ għad iridu jilħqu diversi żoni milquta mill-għarar, b’uħud minn dawn iż-żoni jkunu diffiċli ħafna għad-dgħajes biex jgħaddu minnhom.

L-Indja ħarġet għadd ta’ suldati u diversi ħelikopters sabiex isalvaw lil dawn in-nies.

Ara rapport aktar dettaljat dwar l-għarar minn hawnhekk.