Il-Papa jaħseb fil-vittmi tat-tsunami fl-Indoneżja

Il-ħerba li ħalla warajh it-tsunami

Waqt it-talba tal-Anġelus nhar il-Ħadd, il-Papa Franġisku appella għal solidarjetà internazzjonali mal-vittmi tat-tsunami li għamel ħerba fl-Indoneżja fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.

It-tsunami li seħħ matul il-lejl aktarx li kien riżultat ta’ żbroff ta’ vulkan li hemm fil-baħar. In-numru ta’ persuni mejta sa xħin kien qed jitkellem il-Papa kien għad mhux magħruf billi l-ħidma ta’ salvataġġ kien għadha ma waslitx fl-inħawi kollha milquta. Żgur li hemm numru ta’ mejta, oħrajn mitlufa u ħafna oħra feruti.

Meta kien qed ikellem lin-nies miġbura fi Pjazza San Pietru għat-talba tal-Anġelus, il-Papa stqarr li ħsibijietu kienu mal-poplu tal-Indoneżja li ntlaqat minn numru ta’ diżastri naturali li kkaġunaw ħafna mwiet, nies mitlufa, oħrajn li tilfu djarhom kif ukoll ħafna ħsara materjali.

Għalhekk Papa Franġisku talab lil kulħadd biex jingħaqad f’talb għall-vittmi u l-familji tagħhom u qal li jħossu spiritwalment qrib ħafna ma’ dawk milquta minn din it-traġedja u talab lil Alla biex jikkonsla lil dawk li qed ibatu.

“L-appell tiegħi hu li dawn ħutna isibu s-solidarjetà u l-appoġġ tal-komunità internazzjonali,” qal il-Papa.

Skont aġenzija tal-Gvern Indoneżjan li tintervjeni f’diżastri simili, sal-Ħadd f’nofsinhar kienu rappurtati 222 persuna mejta, aktar minn elf feruti u ħafna oħra li ma nstabux.

Il-vulkan li żbroffa s-Sibt billejl jinsab fil-baħar bejn il-gżejjer ta’ Java u Sumatra. Il-vulkan żbroffa 24 minuta qabel seħħ it-tsunami li aktarx kien kaġunat minn ċaqliq f’qiegħ il-baħar.