Il-Papa jappella għal ġurnaliżmu ħieles li jaqdi l-verità

Il-Papa jkellem lill-ġurnalisti barranin li jaħdmu fl-Italja

F’laqgħa ma’ madwar 400 ġurnalist membri tal-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti Barranin fl-Italja, il-Papa Franġisku appellalhom għal ġurnaliżmu ħieles u biex ma jinfexxux ibiegħu “l-ikel imħassar tal-informazzjoni ħażina” u minflok joffru l-ikel bnin tal-verità u s-sewwa.

“Nappelalkom biex taħdmu skont il-verità u l-ġustizzja biex il-komunikazzjoni tkun verament strument li tibni mhux tkisser, biex tlaqqa’ u mhux tikkonfronta, biex tiddjaloga, biex torjenta mhux tiddiżorjenta, biex tfiehem mhux tfixkel, biex ikun hawn il-paċi mhux tiżra’ l-mibegħda, biex tagħti vuċi lil min m’għandux u mhux lil dawk li jgħajjtu l-aktar”, qal il-Papa Franġisku lil dawn il-ġurnalisti.

Il-Papa esprima l-istima tiegħu u tal-Knisja għall-ħidma tal-ġurnalisti u qal li dan ix-xogħol jikkontribwixxi “għat-tfittxija tal-verità għax il-verità biss teħlisna”.

Umiltà u verità 

Papa Franġisku enfasizza li l-umiltà hi element fundamentali fil-professjoni ġurnalistika u li tfittxija għall-verità issib ħafna diffikulta u titlob ħafna umiltà.

Il-preżunzjoni li diġà nafu kollox, timblokka t-tfittxija għall-verità. Artiklu, tweet, xandira diretta jistgħu jagħmlu t-tajjeb kif ukoll il-ħażin lil ħaddieħor u kultant lil komunitajiet sħaħ jekk wieħed ma jkunx attent u jirrapporta skrupolożament.

Il-Papa nnota li ċerti “headlines” li jwerżqu jistgħu joħolqu stampa falza tar-realtà u għalhekk appella lill-ġurnalisti biex jirreżistu t-tentazzjoni li jippubblikaw aħbarijiet li ma jkunux ivverifikaw biżżejjed.

Il-ġurnalist umli jipprova jsib il-fatti korretti u kompleti qabel jgħidhom u jikkummenta dwarhom. Dan il-ġurnaliżmu ma joffrix slogans esaġerati li flok iġiegħlu lil wieħed jaħseb, iħasuru kull kunsiderazzjoni.

Lingwaġġ li jweġġa’

Il-Papa lmenta minn użu ta’ lingwaġġ ta’ tmaqdir li jweġġa’ u kultant saħansitra jfarrak lin-nies. Fi żmien meta qed jintuża’ ħafna diskors ostili fejn li jingħadu affarijiet ħżiena fuq ħaddieħor sar moda għal ħafna, kif ukoll meta nikklassifikaw in-nies, għandna dejjem niftakru li kull persuna għandu d-dinjità tiegħu jew tagħha, li qatt ma għandha titteħdilhom.

Fi żmien meta ħafna nies qed ixerrdu aħbarijiet foloz “li tkunu umli jgħinkom biex ma tniegħux il-frott imħassar tal-misinformazzjoni u jistedinkom biex toffru l-ħobż tajjeb tal-verità”.

Fuq in-naħa tal-vittmi

Papa Franġisku enfasizza li l-libertà tal-istampa u l-espressjoni huma indikatur importanti tas-saħħa ta’ pajjiż. Qal li jħossu qrib ħafna ta’ dawk il-ġurnalisti li jinqatlu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom b’kuraġġ u dedikazzjoni biex jirrappurtaw dak li ħafna nies ikunu qed iġarrbu fil-gwerrer jew jirrappurtaw sitwazzjonijiet drammatiċi oħra.

Il-Papa qal: “Għandna bżonn ġurnalisti li huma fuq in-naħa tal-vittmi, fuq in-naħa ta’ dawk li huma persegwitati, esklużi, imwarrba, jew diskriminati.” Hu żied li l-ġurnalisti hemm bżonnhom biex ifakkruna il-ħafna sitwazzjoni ta’ tbatija ta’ gwerer minsija bħalma huma dawk tar-Rohingya u l-Yazidi.

Papa Franġisku rringrazzja lill-ġuralisti għax jgħinu biex id-dinja ma tinsiex il-ħajjiet ta’ dawk li jinqatlu danke qabel ma jitwieldu, ta’ dawk li qed imutu bil-ġuħ, bin-nuqqas ta’ kura medika, bil-gwerer, il-ħajja tat-tfal suldati u l-ħajjiet ta’ tfal vjolentati.

Hu appella lill-ġurnalisti biex jgħinu lid-dinja ma tinsiex lil dawk persegwitati jew diskriminati minħabba l-fidi tagħhom jew ir-razza tagħhom, lil dawk li huma vittmi tal-vjolenza jew tat-traffikar uman. Qal li dawk li jkunu mġiegħla jitilqu minn djarhom minħabba diżastri naturali, gwerrer, terroriżmu jew ġuħ, m’humiex sempliċement numru imma għandhom, wiċċ, storja u xewqa li jkunu ferħana.

“Jeżisti oċean ta’ tjubija li ħaqqu jkun magħruf u li jsaħħaħ it-tama tagħna”, qal il-Papa filwaqt li nnota li l-ġurnalisti nisa huma sensittivi ħafna għall-istejjer umani.

Fi tmiem din il-laqgħa l-Papa Franġisku ta lil kull wieħed u waħda mill-ġurnalisti preżenti kopja tal-ktieb “Cominicare il Bene” (Ikkomunikaw it-Tajjeb) li fih hemm miġbura diskors li hu għamel lil ġurnalisti f’diveri okkażżjonijiet u l-messaġġi tiegħu għal Jum Dinji tal-Komunikazzjoni tal-aħħar snin.