Awdjo: Il-Papa jappella għal ġlieda kontra l-ħażen

Waqt ir-reċita ta’ l-Angelus, il-Papa Benedittu XVI, minkejja li m’għamilx referenza diretta għar-riżenja tiegħu, appella għas-silenzju u għal dinja iffukata fuq it-talb. Il-Papa irringrazzja l-folla kbira li kienet preżenti fi pjazza San Pietru għal dik li sejħilha manifestazzjoni spiritwali qawwija. Il-Ħadd li ġej il-Papa jerġa jidher għall-aħħar recita tal-Angelus.

Huwa beda d-diskors tiegħu billi saħaq fuq l-importanza li fil-bidu tar-Randan in-nies għandhom jinsew l-egoiżmu u s-sens ta’ superjorità, u jingħaqdu fl-imħabba bejn xulxin. Il-Papa sostna li ż-żmien tar-Randan joffri l-opportunità sabiex il-kattoliċi jingħaqdu mill-ġdid ma Alla bħala il-bażi ta’ referenza għal ħajja aħjar. Sabiex dan iseħħ, il-Papa kompla jispjega li l-proxxmu għandu jikkumbatti spiritwalment kontra l-ħazen għax ix-xitan jopponi għal ħajja qaddisa li jista’ jgħix il-bniedem.

Il-Papa għamel referenza għall-vanġelu tal-bidu tar-Randan li jitkellem dwar it-tentazzjonijiet ta’ Kristu fid-deżert. Fl-analiżi tiegħu il-Papa jgħid li Alla jitlobna ngħażlu t-tajjeb mil-ħażin u t-tentazzjoni hija il-pressjoni li tiddevjana fil-ħajja ħażina. Fi kliem il-Papa huwa importanti li d-dinja tiġġieled kontra l-ħażen ma’ Alla nnifsu sabiex tiġi evitata n-niżla li twassal għad-deġenerazzjoni tal-bniedem.