Il-Papa jappella għal għajnuna lill-poplu tal-Yemen

Madwar 7 miljun persuna qed jiffaċċjaw il-ġuħ u nuqqas ta’ assistenza medika fil-Yemen. L-attakk mill-ajru li sar ftit jiem ilu fuq l-ajruport ta’ Sanna u l-imblukkar tal-ajruporti, il-portijiet u t-toroq f’diversi nħawi tal-pajjiż qed jagħmluha impossibbli li tasal għajnuna ta’ ikel u mediċinali għall-popolazzjoni u dan qed ipoġġi f’riskju akbar lill-persuni l-aktar vulnerabbli.
Skont il-koalizzjoni militari mmexxija mill-Arabja Sawdita, li wettqet l-attakk mill-ajru, l-egħluq tal-portijiet u t-toroq hu maħsub biex ma jaslux aktar armamenti mill-Iran lill-militanti Houthi.
Il-militanti Houthi rnexxielhom jieħdu fil-kontroll tagħhom it-Tramuntana tal-pajjiż, inkluż Sanna u l-aruport internazzjonali li hemm f’din il-belt. Iżda l-koalizzjoni mmexxija mis-Saudi Arabia għandha dominanza fl-ispazju tal-ajru. Biex l-ispazju tal-ajru jinfetaħ irid ikun hemm ftehim bejn iż-żewġ naħat li ilhom jikkumbattu lil xulxin għal dawn l-aħħar tliet snin u jakkużżaw lill-xulxin għad-diżastru umanitarju li għaddej minnu l-pajjiż bħalissa.
Osservaturi fil-post jgħidu li b’kull forma ta’ traffiku fil-pajjiż imblukkat, il-prezzijiet tal-ikel, ilma, gass u fuel għolew ħafna.
Barra minn dan fil-pajjiż hemm epidemija ta’ kolera li kienet deskritta bħala l-akbar waħda fl-istorja moderna u li qed tinfirex b’ħeffa kbira, li sal-aħħar ta’ din is-sena mistennija tolqot aktar minn miljun persuna fosthom 600,000 tifel u tifla.
L-epidemija tal-kolera hi riżultat dirett ta’ dan il-konflitt li ġieb il-pajjiż għarkubtejh u l-kollass tas-servizzi tas-saħħa, tfal imġewwħa u n-nies ma jistgħux jieħdu l-kura medika li għandhom bżonn.
Il-Papa Franġisku appella lill-pajjiżi sinjuri biex jgħinu ħalli tkun riżolta s-sitwazzjoni traġika fil-Yemen fejn qal li “il-poplu m’għandux ikel u xorb li jinħtieġu biex isalvaw. Hu appella wkoll biex il-mexxejja tad-dinja jaħdmu biex jonqsu l-gwerer, iwaqqfu l-ġlieda għal-armamenti u jirrinunzjaw għall-involviment dirett jew indirett fil-konflitti.