Il-Papa jappella għal diskussjoni sinċiera fis-Sinodu tal-Isqfijiet

Waqt il-Velja ta’ Talb li saret ilbieraħ f’Pjazza San Pietru, il-Papa Franġisku qal li f’kull persuna hemm il-bżonn tal-istabbiltà u li “tinseġ u taqsam ir-rakkont ta’ ħajjitha”. Spejga li din hi l-komunjoni li l-miżżewwġin għandhom ikollhom bejniethom u li permezz tal-ftuħ għad-don tal-ħajja jkunu jistgħu jaqsmuh ukoll ma’ uliedhom.
Il-Mexxej tal-Knisja Kattolika qal li fit-talb lill-Ispirtu s-Santu, għandha ssir talba speċjali għad-don tas-smigħ, għal konfront sinċier, u li ħarsitna tibqa’ fuq Ġesù.
Il-Papa fakkar li t-talb tal-velja se jsir mhux biss għall-familji iżda wkoll għal dawk li jbatu fis-solitudni.
Intant illum se jibda s-sinodu fil-Vatikan, fejn aktar minn 200 Isqof minn madwar id-dinja se jkunu qed jiddiskutu suġġetti kontroversjali li qed jaffettwaw il-Knisja Kattolika, fosthom l-abort, il-kontraċettivi, l-omosesswalità u d-divorzju.
Is-sinodi straordinarju mistenni jdum ġimagħtejn, b’laqgħa oħra ssir s-sena d-dieħla.
Il-Papa Franġisku appella biex l-Isqfijiet jisimgħu lill-komunità Nisranija, u li jkollhom diskussjoni sinċiera dwar il-bidliet li familji qed jesperjenzaw.