Il-Papa jappella għal azzjoni malajr dwar il-problema tal-bdil fil-klima

Il-Papa jisħaq għal azzjoni immedjata għall-problema tal-bdil fil-klima

Il-Papa Franġisku qal lill-Ministri tal-Finanzi ta’ diversi pajjiżi li ltaqgħu biex jiddiskutu t-tema: “It-tibdil fil-klima u evidenza ġdida mix-xjenza u l-inġinerija”, li huma għandhom responsabbilta li jaħdmu biex jintlaħqu l-miri adottati mill-gvernijiet tagħhom dwar il-problema tal-bdil fil-klima.

Il-Laqgħa fejn saret diskussjoni dwar il-Miri għal Żvilupp Sostenibbli kienet organiżżata mill-Akkademja Pontifiċja għax-Xjenza li matulha l-Papa ddeskriva l-problema tal-bdil fil-klime bħala  “kwestjoni ta’ mportanza kbira għall-umanità u l-ħolqien kollu kemm hu.”

Il-Profitti qabel in-nies

Il-Papa lmenta li qed ngħixu fi żmien “meta l-profitti u t-telf qed nagħtuhom valur ferm akbar mill-ħajja u l-mewt u fejn  il-valur ta’ kumpannija jingħata preċedenza fuq il-valur infinit tal-familja umana”.

Għall-kuntrarju,  “l-interdipendenza globali qed twassalna biex naħsbu f’termini ta’ dinja waħda bi pjan komuni”. Għalhekk appella lill-Ministri tal-Finanzi biex jaħdmu ħalli jintlaħqu l-miri li qablu fuqhom il-Gvernijiet kemm permezz tal-Miri ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll permezz tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima.

Is-Sinjali m’humiex sbieħ

Il-Qdusija Tiegħu għamel twissija serja dwar l-istat attwali tal-affarijiet. “Illum, is-sinjali m’humiex sbieħ”, qal il-Papa filwaqt li rrifera għall-fatt li naqas l-investiment f’enerġija nadifa u żdiedet il-konċentrazzjoni tad-dijossina fl-atmosfera.  Hu kkwota minn esperti fil-klima u qal li “Il-messaġġ hu ċar u insistenti. Irridu nagħmlu xi ħaġa konkreta u deċisiva biex inwaqqfu l-emissjonijiet  kollha ta’ gassijiet sa nofs dan is-seklu u possibilment nagħmlu aktar minn hekk”.

B’mod speċifiku l-Papa apella lill-Ministru biex jimpenjaw ruħhom għal diversi miri speċifiċi:

– li jagħtu valur lil dak li hu mportanti u mhux lil dak li hu superflu;

– biex jikkoreġu l-kontijiet nazzjonali u dawk tan-negozji biex ma jsirux attivitajiet li qed ikissru l-pjaneta;

– biex iwaqqfu d-dipendenza globali fuq iż-żjut tal-fossili;

– biex jiftħu kapitlu ġdid ta’ enerġija nadifa u sigura, li tuża riżorsi rinnovabbli bħar-riħ, ix-xemx u l-ilma;

– fuq kollox biex jimxu bi prudenza u responsabbiltà fl-ekonomiji rispettivi tagħhom biex jissodisfaw il-bżonnijiet tal-bniedem, jippromwovu d-dinjità umana, jgħinu lill-foqra u jiċħdu l-idolatrija tal-flus li qed toħloq ħafna tbatija.

Azzjoni deċiżiva

“Qabel kollox”, qalilhom il-Papa, “Irridu nirrikonoxxu r-reġistru tal-ħajja, tad-dinjità umana u tal-għixien”. Qal li għandu tama li “bħala mexxejja tal-finanzi tad-dinja, jaqblu fuq pjan komuni li jkun jaqbel max-xejnza dwar il-klima, l-inġinerija dwar enerġija nadifa u fuq kollox l-etika tad-dinjità umana”.

Il-Papa Franġisku qal lill-Ministri tal-Finanzi li “Iż-żmien hu essenzjali. Nistennew azzjoni deċiżiva min-naħa tagħkom għall-ġid tal-umanità”.