Il-Papa jappella għal azzjoni konġunta kontra t-traffiku uman

Il-Papa Franġisku appella lis-soċjetà ċivili u lill-istituzzjonijiet biex jieħdu azzjoni konkreta u jipproteġu 'l-vittmi u jeqirdu l-pjaga terribbli tat-traffiku tal-bnedmin li tolqot l-aktar lill-emigranti u lir-refuġjati.
“Nistieden lil kulħadd, ċittadini u istituzzjonijiet biex naħdmu flimkien biex ma nħallux in-negozju tal-iskjavi, u niggarantixxu protezzjoni u għajnuna lill-vittmi ta’ din il-pjaga” appella l-Papa.
Hu fakkar lil dawk preżenti fil-festa ta’ Santa Josephine Bakhita, li toffri okkażjoni biex ningħaqdu fit-talb u azzjoni kontra n-negozju tal-persuni umani.
Il-Papa tkellem dwar it-tema ta’ din is-sena għall-Jum ta’ Talb u Għarfien: “Migrazzjoni bla Traffikar. Għid Iva għall-Ħelsien u Le għall-Iskjavitù” u innota li ħafna imigranti huma mġiegħla jfittxu toroq illegali ta’ imigrazzjoni fejn ikunu suġġetti għal abbużi ta’ kull xorta, fosthom l-esplojtazzjoni u l-iskjavitù.
Qal li l-organizzazzjonijiet kriminali li jaħdmu fit-traffikar tal-persuni jużaw ir-rotot tal-emigrazzjoni biex jaħbu lill-vittmi tagħhom fost l-imigranti u r-refuġjati.
Papa Franġisku appella għat-talb biex “il-Mulej jikkonverti l-qlub tat-traffikanti u jagħti tama lil dawk li qed isofru minn din il-pjaga tal-mistħija biex ikunu jistgħu jiksbu l-ħelsien mill-ġdid”.
Il-Papa għamel dan l-appell nhar il-Ħamis, festa ta’ Santa Josephine Bakhita, soru mis-Sudan, li meta kienet għadha tifla għaddiet mill-esperjenza trawmatika għax kienet vittma tat-traffikar uman.
F’din il-ġurnata, istituti reliġjużi u organizzazzjonijiet Insara madwar id-dinja jorganizzaw servizzi ta’ talb kontra t-traffikar uman.