Il-Papa jappella għad-djalogu u r-rispett tal-liġi internazzjonali

Il-Papa Franġisku jindirizza membri tal-Korp Diplomatiku akkreditati għall-Vatikan (Vatican Media)

Fl-indirizz li jagħmel fil-bidu ta’ kull sena lill-membri tal-Korp Diplomatiku akkreditati għall-Vatikan, il-Papa Franġisku qal li t-tensjoni bejn l-Iran u l-Istati Uniti “Tirriskja li ttellef il-progress li sar fil-bini mill-ġdid tal-Iraq u tiftaħ it-triq għal kunflitt ferm aktar wiesa’.”

Il-Papa nnota li “il-paċi u l-iżvilupp integrali uman huma l-iskop ewlieni wara l-involviment tas-Santa Sede fil-qasam diplomatiku u għalhekk ibbaża d-diskors  tiegħu fuq “it-tama” u sejjaħ għad-djalogu u azzjoni internazzjonali fuq id-diversi kwestjonijiet li qed tiffaċċja d-dinja llum.

Żjarat Apostoliċi

Il-Papa fakkar f’uħud miż-żjarat apostoliċi li għamel matul is-sena li għaddiet. Dwar il-vjaġġ fil-Panama għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ qal li “hu dejjem ta’ pjaċir li jkollu l-opportunità li jiltaqa’ maż-żgħażagħ għax huma l-futur u t-tama tas-soċjetajiet tagħna”. Filwaqt li ammetta r-reati gravi mwettqa minn adulti fuq żgħażagħ, fosthom membri tal-Kleru, qal li bil-Laqgħa dwar il-Protezzjoni tal-Adulti fil-Knisja, is-Santa Sede ġeddet l-impenn tagħhom li toħroq fil-beraħ l-abbużi li twettqu biex tassigura l-protezzjoni tal-minuri.

Niġġieldu l-bidla fil-klima

Fil-kuntest tad-djalogu maż-żgħażagħ  u t-tħassib tagħhom, il-Ppa tkellem dwar il-problema tat-tibdil fil-klima li titlob għal konverżjoni ekoloġika minn kulħadd. Hu kkritika n-nuqqas ta’ mpenn mill-komunità internazzjonali biex tindirizza l-isfidi li qed tiffaċċja d-Dar Komuni tagħna.

Irrifera wkoll għall-kriżijiet politiċi li qed jinfirxu f’pajjiżi tal-Amerika Latina, fosthom il-Venezuela. Għalkemm hemm diversi raġunijiet għal dawn is-sitwazzjonijiet, dawn il-kriżijiet huma marbuta mal-inġustizzji, korruzzjoni, faqar u disugwaljanza u għalhekk hemm bżonn li jkollna “kultura ta’ djalogu”.

Dwar i-vjaġġ fl-Emirati Arab Magħquda fejn flimkien mal-Grand Imam ta Al-Ahzar, iffirmaw id-Dokument dwar il-“Fraternità Umana”, il-Papa nsista fuq il-bżonn li nifhmu lil xulxin u ngħixu flimkien fil-paċi. Enfasizza li l-ġenerazzjonijiet futuri jkunu mħarrga fid-djalogu inter-reliġjuż.

Fiż-żjara fil-Marokk il-Qdusija Tiegħu kien iffirma Dokument flimkien mar-Re Mouhammed VI, dwar Ġerusalemm, il-belt Imqaddsa għat-tliet reliġjonijiet monoteistiċi. Ġerusalemm, il-Papa qal li għandha tkun post simboli għall-koeżistenza paċifika.

Impenn għall-paċi

Il-Papa apella lill-komunità internazzjonali biex tidħol fil-proċess ta’ paċimhux biss fl-Art Imqaddsa imma wkoll fil-Mediterran u  fil-Lvant Nofsani. Irrifera b’mod partikolari għall-gwerra fis-Sirja, il-Yemen u l-Libja u fid-dawl tat-tensjoni bejn l-Iran u l-Istati Uniti, appella mill-ġdid biex “il-partijiet kollha interessati ma jkomplu jeskalaw il-kunflitt u jżommu ħajja il-fjamma tad-djalogu u l-kontroll, b’rispett għal-liġi internazzjonali.”

Inkoraġixxa lill-komunità internazzjonali biex tindirizza l-problema tal-emigranti li qed ifittxu ażil u qal li rridu nidentifikaw il-bżonnijiet leġittimi ta’ dawn in-nies filwaqt li nnota li l-Mediterran qed isir ‘ċimiterju kbir’.

Il-Papa Franġisku fakkar fiż-żjajjar li għamel fl-Ewropa tal-Lvant fejn żar il-Bulgarija, l-Macedonia u r-Rumanija fejn kien esperjenza “l-importanza tad-djalogu u l-kultura tal-laqgħa”. Għamel enfasi dwar l-importanza tad-djalogu u r-rispett għal-liġi internazzjonali biex insolvu l-kunflitti li qed jippersistu fl-Ewropa u qal li hu d-djalogu u mhux l-armi li jsolvi l-kwestjonijiet.

Il-Papa qal li s-Santa Sede segwiet il-“Proġett Ewropew” b’interess kbir sa mill-bidu tiegħu u nnota li l-50 anniversarju tal-preżenza tal-Vatikan bħala osservatur fil-Kunsill tal-Ewropa. Hu wissa’ lill-Ewropa biex ma titlifx dak is-sens ta’ solidarjetà li ddistingwiha għal sekli sħaħ. Qal li t-30 anniversarju mill-waqa’ tal-Ħajt ta’ Berlin tfakkarna kemm hu faċli li tibni ħitan iżda nsista li “flok ħitan ta’ mibegħda nippreferu pontijiet ta’ rikonċiljazzjoni u solidarjetà.

Paċi fl-Afrika

Is-sena li għaddiet il-Papa żar ukoll l-Afrika fejn qal li ra “sinjali ta’ paċi u rikonċiljazzjoni fosthom ftehim għallwaqfien mill-ġlied fil-Mozambique, aktar sigurtà fil-Madagascar u paċi bejn membri ta’ reliġjonijiet differentifil-Mauritius.

Madankollu l-Papa qal li hu ta’ dwejjaq li tara “inċidenti kontinwi ta’ vjolenza kontra persuni nnoċentifosthom ħafna nsara,  fil-Burkina Faso, il-Mali, in-Niger u n-Nigeria. Hawnhekk ħafna nies qed ikunu persegwitati u maqtula għax jagħtu xhieda tal-Evanġelju. Għalhekk reħa’ appella lill-komunità internazzjonali biex taħdem flimkien mhux biss biex teqred il-pjaga tat-terroriżmu imma billi timplimenta strateġiji prattiċi, biex joqos il-faqar, jiżdiedu s-servizzi tas-saħħa, ikun hemm governanza tajba u rispett lejn id-drittijiet ċivili.

Il-Papa kellem lid-diplomatiċi dwar il-bżonn li tkun indirizzata l-problema ta’ dawk li kellhom jitilqu minn djarhom u faħħar il-ħidma tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti li tieħu ħsieb dan il-fenomenu. Semma b’mod partikolari is-Sudan u r-Republika tal-Afrika Ċentrali bit-tama li dawn iż-żewġ pajjiżi jkollhom il-paċi. “Ħsibijiet jmorru wkoll fuq is-Sudan t’Isfel, li nittama linkun nista’ nżur matul din is-sena”, qal il-Papa.

L-aħħar vjaġġ tal-Papa s-sena li għaddiet kien fit-Tajlandha fejn diversi gruppi etniċi jgħixu f’armonija sħiħa; u fil-Ġappun.

Le għall-armi nukleari

Fil-Ġappun il-Papa Franġisku għamel esperjenza tal-uġiegħ u l-orrur li l-bniedem kapaċi jagħmel lil ħutu speċjalment meta sema dak li għaddew minnu dawk li salaw mill-attakk tal-bombi atomiċi fuq Hiroshima u Nagasaki. “Il-vera paċi ma tistax tinbena fuq it-theddid tal-qrida tal-umanità kollha bl-armi nukleari. Hu possibbli u hemm bżonn li jkollna dinja mingħajr armi nukleari”, insista l-Papa.

Hu qal li issa qed jaħseb f’pajjiż li għadu qatt ma żar: l-Awstalja li bħalissa qed tintlaqat ħażin min-nirien qawwija mifruxa mal-pajjiż. “Nassigura lill-poplu Awstraljan, speċjalment lill-vittmi tan-nirien u dawk li jgħixu fl-inħawi li nqerdu, li qed nitlob għalihom”.

Il-prinċipji tan-NU

Fl-aħħarnett il-Papa Franġisku nnota li din is-sena jaħbat il-75 anniversarju mit-twaqqif tan-Nazzjonijiet Uniti. Hu qal li l-prin1ipji li huma l-bażi ta’ din l-organiżazzjoni: il-paċi, il-ġustizzja, ir-rispett għad-dinjità tal-persuna umana u l-kooperazzjoni u l-għajnuna umanitarja, għadhom validi anke llum u għandhom ikunu fil-qofol tar-relazzjonijiet internazzjonali. Sostna li d-drittijiet tal-bniedem huma magħġuna fin-natura umana stess.

Kelma għan-Nisa

Il-Papa fakkar li din is-sena se niċċelebraw ukoll is-70 anniversarju mill-proklamazzoni tad-domma tat-Tlugħ tal-Madonna fis-Sema. Għalhekk ried jgħid kelma speċjali lin-nisa, 25 sena wara l-Konferenza ta’ Beijing dwar il-Mara li kienet saret fl-1995. “Nittama li d-dinja kollha tagħraf aktar ir-rwol imprezzabbli tan-nisa fis-soċjetà u kull forma ta’ inġustizzja, diskriminazzjoni u vjolenza kontra n-nisa jieqfu darba għal dejjem”.

Fl-aħħarnett il-Papa qal li  it-Tlugħ is-Sema ta’ Marija “jistedinna wkoll biex inħarsu ‘l quddiem biex intemmu l-vjaġġ tagħna f’din id-dinja għal dak il-jum fejn jerġa’ jkollna il-ġustizzja u l-paċi u qal li hu u s-Santa Sede  se jaħdmu għal dan l-iskop.