Il-Papa jappella biex tkun appoġġjata kampanja kontra l-ħela fl-ikel

Terz tal-ikel li tipproduċi d-dinja jintrema jew jinħela

Il-Papa Franġisku, nhar it-Tnejn li għadda bagħat messaġġ lill-Programm Dinji tal-Ikel fejn appella biex kulħadd jappoġġja l-programm ta’ din l-aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti, biextikun eliminata l-ħela tal-ikel billi nibdlu l-istil ta’ ħajja tagħna.

“Jekk irridu nibnu futur fejn ħadd ma jibqa’ lura, irridu noħolqu preżent li b’mod radikali ma jittollerax il-ħela tal-ikel”, qal il-Papa fl-appell tiegħu favur il-kampanja globali kontra l-ħela. “Flimkien u bla telf ta’ żmien, billi niġbru flimkien l-ideat u r-riżorsi tagħna nistgħu nintroduċu stil ta’ ħajja li jagħti l-importanza li jixraq lill-ikel” qal il-Papa Franġisku lill-aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti.

Bħalissa l-Aġenzija tal-Ikel tan-NU qed tiltaqa’ biex tfassal inizjattivi prattiċi maħsuba biex il-ġlieda kontra l-ġuħ fid-dinja ssir b’mod aktar prattiku.. “Il-proġetti tagħkom jinkludu l-promozzjoni ta’ miżuri deċisivi biex neliminaw il-ħela tal-ikel li hu fenomenu li jtaqqal il-kuxjenza tagħna”.

Din l-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti li hi bażata f’Ruma hi l-akbar organiżazzjoni umanitarja fid-dinja li tiġġieled il-ġuħ u taħdem biex kulħadd ikun assigurat minn ikel biżżejjed. Bħalissa l-aġenzija qed tgħin madwar 86.7 miljun persuna fi 83 pajjiż differenti, li ma għandhomx ikel biżżejjed.

Paradoss ta’ affluenza

Skont il-Programm Dinji tal-Ikel, hawn wisq persuni madwar id-dinja, li kuljum iridu jitħabtu biex jitimgħu ‘l uliedhom.  F’dinja li tipproduċi biżżejjed ikel biex jiekol kulħadd, 821 miljun persuna jew wieħed minn kull disa’ imorru jorqdu b’żaqqhom vojta kuljum. Agħar minn hekk wieħed minn kull tliet persuni ibati minn xi forma ta’ nuqqas ta’ ikel.

Fil-messaġġ tiegħu l-Papa Franġisku nnota li “f’ħafna postijiet, ħutna ma għandhox aċċess għal ikel biżżejjed li jagħmlilhom ġid filwaqt li f’postijiet oħra, l-ikel u mwarrab u moħli.  Il-Papa San Ġwanni Pawlu II kien sejjaħ dan “paradoss ta’ abbundanza li jibqa’ ostaklu biex tkun riżolta l-problema biex l-umanità kollha jkollha ikel biżżejjed”.

Kulħadd responsabbli

“Dan il-paradoss”, qal il-Papa, “jinvolvi mekkaniżmi ta’ superfiċjalità, negliġenza u egoiżmu li jkomplu jsostnu l-kultura tal-ħala”.  Hu  wissa’ li jekk ma naħdmux biex inwaqqfu il-ħala tal-ikel, se jkun diffiċli nżommu l-impenn tagħna milħuq fil-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima u nilħqu l-Miri ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti.

Hu fakkar li dawn il-miri huma responsabbiltà mhux biss tal-organiżazzjonijiet internazzjonali u l-gvernijiet, imma tagħna lkoll. “Familji, skejjel, il-media u oħrajn għandhom xogħol importanti biex jedukaw u jqajjmu kuxjenza dwar dan”.  Ħadd ma hu meħlus mir-responsabbiltà li jiġġieled din il-kultura li qed taħqar tant nies, speċjalment lill-foqra u l-membri vulnerabbli tas-soċjetà.

Il-kampanja “StopTheWaste”

B’terz tal-ikel maħsub għall-konsuma uman, moħli jew mitluf filwaqt li miljuni qed imutu bil-ġuħ, il-Programm Dinji tal-Ikel, f’Ottubru li għadda nieda kampanja globalli biex titqajjem kuxjenza dwar din il-problema:  #StopTheWaste.

Il-Papa Franġisku appella biex din il-kampanja internazzjonali tkun appoġġjata u qal li l-ħala tagħmel ħsara fil-ħajja ta’ bosta individwi u twaqqaf il-progress tal-popli. “Jekk irridu futur fejn ħadd ma jibqa’ lura, irridu preżent li ma jaħlix. Irridu stil ta’ ħajja li jagħti lill-ikel l-importanza li jixraqlu billi nagħtu valur lil dawk li tagħtina l-art u jżalli mpatt fuq l-umanità kollha.

Iċ-ċentralità tal-persuna umana

F’dan ir-rigward, il-Papa assigura l-impenn tal-Knisja Kattolika li xxerred is-solidarjetà fost il-popli kollha u tikkoopera tal-Aġenzija tal-Ikel tan-Nazzjonijiet Uniti biex tenfasizza li “li kull persuna għandha dritt għal ikel tajjeb u sostenibbli”.

Meta l-bniedem jitpoġġa fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet ekonomiċi u politiċi “il-paċi u l-istabilità bejn in-nazzjonijiet ikunu konsolidati u l-ftehim reċiproku, li hu l-bażi ta’ kull progress uman awtentiku, jiżdiedu kullimkien”.

Fl-aħħarnett, il-Papa Franġisku awgura suċċess lill-kampanja tan-Nazzjonijiet Uniti u li din twassal biex tixgħel f’dawk kollha ta’ rieda tajba, ix-xewqa li jibnu dinja ġdida u aħjar fejn isaltnu l-ġustizzja u l-paċi.