Il-Papa jappella biex titwaqqaf il-persekuzzjoni tal-Insara

Il-Papa Franġisku appella b’mod qawwi lill-politiċi b’responsabiltajiet lokali jew internazzjonali biex iwaqqfu l-persekuzzjoni tal-Insara.
Fl-udjenza ġenerali ta’ nhar t’Erbgħa, il-Papa appella bis-saħħa biex tiċċaqlaq il-kuxjenza ta’ dawk li jistgħu jagħmlu xi ħaġa favur l-Insara ppersegwitati li, fi kliemu, "għandhom id-dritt li jsibu sigurtà u serenità f’pajjiżhom waqt li jipprattikaw il-fidi tagħhom".
Papa Franġisku wera solidarjetà mal-komunitajiet ta’ dawk li ġew ippersegwitati jew maqtula "fil-vjolenza bla sens li mhi turi ebda sinjal li tbatti".
Fl-istess ħin appella lis-saċerdoti f’dawn l-inħawi biex juru kuraġġ u jżommu qawwija fil-fidi.
Minbarra l-udjenza ġenerali, il-Papa llum kellu wkoll udjenzi privati, waħda minnhom ma’ delegazzjoni mill-forum ta’ Nsara u Musulmani.