Il-Papa jappella biex tittieħed azzjoni quddiem in-numru ta’ mwiet fil-baħar

Emigranti salvati mill-għarqa jistennew biex jitħallew jidħlu f'Port Taljan

Bin-numru dejjem jikber ta’ mwiet fost emigranti u refuġjati li qed jippruvaw jagħmlu l-vjaġġ perikoluż biex jaqsmu l-Mediterran, il-Papa Franġisku ħeġġeġ lill-mexxejja tad-dinja biex iwaqqfu aktar traġedji.

“Nagħmel appell minn qalbi lill-komunità internazzjonali biex tieħu passi deċiżivi kemm jista’ jkun malajr biex ma tħallix dawn it-traġedji jkomplu jseħħu u tiggarantixxi is-sigurtà, ir-rispett għad-drittijiet u d-dinjità ta’ kulħadd,” qal il-Papa waqt l-Anġelus ta’ nhar il-Ħadd quddiem folla ta’ 25,000 persuna.

Skont il-“Missing Migrants Project” tal-Organizzazzjoni Internazzjonli tal-Immigranti, hu stmat li 1,490 persuna mietu fil-Baħar Mediterran f’din is-sena biss, s’issa.

Il-Papa esprima il-weġgħa tiegħu “quddiem traġedja bħal din” u offra talba għal dawk li mietu u l-familji tagħhom.

Sadattant, l-Italja u Malta żammew numru ta’ vapuri ta’ salvataġġ b’emigranti fuqhom milli jidħlu fil-portijiet tagħhom. Dan qed ifixkel l-isforzi biex ikunu salvati emigranti li qed jaħarbu minn gwerer, vjolenza, faqar jew persekuzzjoni.