Il-Papa jappella biex refuġjati f’kampijiet Libjani jingħataw protezzjoni

Refuġjati f'kamp ta' detenzjoni fil-Libja inqabdu fi ġlied qawwi

Il-Papa Franġisku espirma t-tħassib tiegħu għas-sigurtà ta’ emigranti u refuġjati li qed jinżammu f’kampjiet ta’ detenzjoni fil-Libja u appella biex isir talb għalihom għax inqabdu fil-qalba ta’ ġlied qalil fil-kunflitt li bħalissa għaddej fil-Libja.

Il-Papa li kein qed jitkellem wara l-Angelus fi Pjazza San Pietru il-Papa qal li s-sitwazzjoni ta’ dawn ir-reguġjati, “li diġà hi waħda serja ħafna issa saret ferm aktar perikoluża minħabba l-ġlied li hemm fil-pajjiż”.

Vatican News qal li fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni li qed tiżviluppa fil-Libja, Papa Franġisku appella biex dawn ir-refuġjati jkunu evakwati kemm jista jkun malajr, speċjalment in-nisa, t-tfal u l-morda, billi jinħolqu kuruduri umanitarji siguri.

Il-Kunflitt fil-Libja 

Hekk kif it-truppi tal-Gvern Libjan li hu rikonoxxut mill-komunità internazzjonali qed iħejji biex jagħmlu kontro-offensiva fuq it-truppi tal-Kmandant Khalifa Haftar, għexieren ta’ refuġjati u emigranti qed jittieħdu mill-kampjiet tad-detenzjoni u mġiegħla jgħinu lill-militanti li huma allineati mal-Gvern ta’ Tripli megħjun min-Nazzjonijiet Uniti.

Il-Ministru tal-Intern qal lill-ġurnalisti li fi żmien tliet ijiem se jkun hemm attakk kbir fuq it-truppi ta’ Khalifa biex dawn jitkeċċew mill-Punent tal-pajjiż.

220 persuna nqatlu

Din l-aħbar ħarġet hekk kif in-Nazzjonijiet Uniti uriet tħassib dwar rapporti ta’ attakki bl-addoċċ fuq żoni popolati li fihom diġa’ nqatlu 220 persuna.

L-Organiżazzjoni Internazzjonali għall-Imigrazzjoni qalet li 39,000 persuna kellhom jitilqu minn djarhom minħabba l-ġlied fid-distretti fin-Nofsinhar ta’ Tripli.

Il-Forzi leali għal Ġeneral Khalifa Haftar, tliet ġimgħat ilu bdew offensiva bl-iskop li jieħdu l-kontroll ta’ Tripli li sal-lum hi miżmuma mill-Gvern li hu rikonoxxut internazzjonalment.

Il-Papa Franġisku, waqt il-barka Urbi et Orbi f’Ħadd il-Għid appella biex jieqafit-tixrid tad-demm fil-Libja.