Il-Papa jappella biex “nieħdu ħsieb it-tfal”

Tfal - mhux identifikabbli - fiċ-ċentru mituħ apposta biex joffrilhom protezzjoni

Il-Papa Franġisku bagħat messaġġ permezz ta’ video għall-inawgurazzjoni ta’ ċentru ġdid għall-Prevenzjoni mill-Abbuż, li nfetaħ fiċ-Ċile, li fih appella biex “nieħdu ħsieb it-tfal”.

L-aġenzija tal-aħbarijiet Vatican News qalet li fil-messaġġ għall-ftuħ taċ-Ċentru Cuida għall-prevenzjonimill-abbuż il-Papa Franġisku rringrazzja lil dawk kollha involuti biex dan il-proġett seta’ jseħħ. Hu qal li xtaq ikun preżenti f’dan il-jum, iżda billi dan ma kienx possibbli, kien qed jingħat dan il-video.

Il-Papa qal li l-iskop ta’ dan iċ-ċentru mhux biss li jindirizza l-problemi serji ta’ prevenzjoni u l-abbuż imma wkoll biex jagħmel riċerka u jifformula politka li tista’ “ssalva aktar u aktar minuri minn kull forma ta’ abbuż, manipulazzjoni jew kull ħaġa li b’xi mod ieħor tkisser il-qlub tat-tfal”.

Soċjetà Protettiva

Il-messaġġ tal-Papa ntbagħat lill-Università Kattolika taċ-Ċile  li hi responsabbli għall-ħolqien taċ-Ċentru Cuida.  Fil-qalba tal-messaġġ tiegħu l-Papa Franġisku appella lill-istituzzjonijiet fiċ-Ċile biex “jieħdu ħsieb it-tfal”.

Waqt iċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni taċ-Ċentru, Ignacio Sanchez, Rettur tal-Università Kattolika taċ-Ċile spjega li l-prijorità taċ-Ċentru hi li “jikkontribwixxi lejn politika pubblika li twassal għall-bini ta’ soċjetà aktar protettiva u li tipproteġi t-tfal u l-adoloxxenti”.

Il-Fondazzjoni “Confianza” li flimkien mal-Università Ċilena hi responsabbli għal dan il-proċett, twaqqfet fl-2010 minn vittmi tal-abbużi mwettqa mill-ex saċerdot Fernando Karima u l-iskop tagħha hu li tikkumbatti l-abbużi u takkumpanja u tgħin lill-vittmi ta’ dawn ir-reati.

Iċ-Ċentru Cuida hu spazju akkademiku ta’ riċerka bl-iskop li jiġbor evidenza xjentifika, jippromwovi politika pubblika u jiżviluppa għodod għall-prevenzjoni u azzjoni fl-oqsma tal-abbuż u l-protezzjoni tal-minuri.