Il-Papa jappella biex jinfetħu “l-bibien tal-qlub”

Il-Papa Franġisku appella biex il-popli kollha madwar l-Ewropa jiftħu l-bieb ta’ qalbhom u jħennu.
Il-Papa qal dan waqt udjenza li kellu ma’ immigranti li salvaw mit-traġedja ta’ Lampedusa sena ilu, li fiha għerqu iktar minn 360 persuna.
L-immigranti, illum refuġjati li jgħixu fil-Ġermanja, l-Olanda, l-Isvezja, in-Norveġja u fid-Danimarka, irrakkuntaw l-esperjenza tagħhom waqt li talbu lill-Papa jappoġġjahom fix-xogħol li fadal isir, inkluż l-identifikazzjoni ta’ wħud mill-vittmi. Żagħżugħ minnhom irringrazzja lill-Papa għall-interess li juri fl-immigranti u r-refuġjati.
Il-Papa qal li r-rakkonti taż-żgħażagħ huma kommwoventi imma esprima fiduċja li huma ħafna dawk li jiftħulhom il-bibien ta’ qalbhom. Qalilhom li hu jinsab viċin tagħhom u jitlob għalihom.
Iż-żgħażagħ u qrabathom kienu akkumpanjati fost l-oħrajn minn rappreżentanti tal-Jesuit Refugee Service, l-organizzazzjoni Kattolika li taħdem fil-qasam tar-refuġjati f’iktar minn 40 pajjiż inkluż f’Malta.