Il-Papa jappella biex il-liġijiet tas-suq ikunu jaqblu mat-tagħlim soċjali tal-Knisja

Il-Papa Franġisku jkellem delegazzjoni ta’ negożjantiu imprendituri Franċiżi żgħażagħ (Vatican Media)

F’laqgħa li kellu ma grupp ta’ negozjanti u mprendituri żgħażagħ Franċiżi, il-Papa Franġisku appella dwar il-bżonn li jkun hemm ‘konverżjoni’ u ‘bidla radikali fl-istili u d-drawwiet’ li jġibu “bidla effettiva u bil-mod il-mod jedukaw lid-dinja taxl-xogħol għal stil ġdid”. Appella wkoll liż-żgħażagħ imprendituri biex “jaqbdu triq sempliċi u sobrija” fuq livell personali.

Il-Papa kien qed ikellem lil grupp ta’ madwar 300 negozjant żagħżugħ Kattoliku Franċiżi li kienu f’Ruma biex jippateċipaw fi tliet ijiem ta’ laqgħat u riflessjonijiet dwar il-“vokazzjoni” tan-negozjanti Kattoliċi bit-tema: “Il-Vjaġġ għall-Ġid Komuni”.

Il-Papa Franġisku qal li kien “konxju li mhux faċli li fil-ħajja ta’ kuljum tirrikonċilja l-fidi u t-tagħlim soċjali tal-Knisja mal-ħtiġijiet u r-restrizzjonijiet imposti mil-liġijiet tas-suq u l-globaliżazzjoni”.

Kunflitt ta’ kuxjenza

“Il-kunflitt tal-kuxjenza fid-deċiżjonijiet li tridu tagħmlu kuljum, huma ħafna: fuq naħa l-ħtieġa mposta fuqkom – ħafna drabi fl-interess tal-kumpanniji tagħkom, tal-ħaddiema mpjegati magħkom u l-familji tagħhom – u allura jkollkom tirbħu s-swieq, iżżidu l-produttività, tnaqqsu d-dewmien, riklamar, żjieda fil-konsum; u fuq in-naħa l-oħra il-ħtieġa urġenti għall-ġustizzja soċjali, li tiggarantixxu lil kulħadd dħul deċenti, kundizzjonijiet tax-xogħol, pagi, impjiegi fis-sod u l-protezzjoni tal-ambjent”.

Il-Papa fakkar li l-Konċilju Vatikan II kien ħeġġeġ lil-lajċi biex “Bil-kompetenzi tagħhom fit-taħriġ u l-ħidma tagħhom, megħjuna mill-grazzja t’Alla, il-lajċi jikkontribwixxu biex l-oġġetti prodotti jkunu perfezzjonati għall-benefiċċju tal-bniedem, jitqassmu b’mod aktar ekwu bejn kulħadd u jwasslu għall-progress universali tal-bniedem.”.

Dixxerniment

Kriterju ieħor ta’ dixxerniment utli, jinsab, qal il-Papa, fl-enċiklika Laudato Si fejn hemm evalwazzjoni tas-sitwazzjoni fid-dinja, tas-sistemi li jirregolaw l-attività ekonomika u l-konsegwenzi ta’ din l-attività fuq il-bniedem u l-ambjent. Din hi evalwazzjoni li kultant tista’ tidher iebsa, imma li l-Papa jemmen li twassal għal għajta allarmaneti dwar it-tnaqqir u d-deterjorament tad-Dar Komuni, iż-żjieda fil-faqar u l-iskjavitu li llum qed ibatu minnha ħafna nies. Kollox hu marbut flimkien.

Il-Papa temm jgħid lin-negozjanti Franċiżi li “quddiem din ir-realtà, intom li involuti f’dawn is-sistemi, ma għandkomx risposta mmedjati u effettiva għall-isfidi tad-dinja tal-lum. Kultant tistgħu tħossukom li ma tistgħu tagħmlu xejn. Imma xorta għandkom rwol importanti x’taqdu. Għax anke bil-mod, b’xi tibdil konkret fl-istil, kemm fir-relazzjonijiet mal-kollaboraturi diretti tagħkom, jew fit-tixrid ta’ kultura korporattiva ġdida, ikun possibbli li intom tieħdu azzjoni biex tibdlu l-affarijiet b’mod tanġibbli u ftit ftit tedukaw lid-dinja tax-xogħol għal stili ġodda.”