Il-Papa jappella biex il-kura tipprovdi wkoll ħbiberija u konfort lill-marid

Il-Papa Franġisku jilqa' lil Ettore Sansavini, President tal-Grupp

“Wieħed jittama li l-postijiet li jipprovdu l-kura jsiru dejjem aktar djar li jilqgħu u jikkonfortaw lill-marid li fihom għandu jsib ħbiberija, min jifhmu u jurih ħniena u karità. Fil-qosor dawn għandhom ikunu postijiet fejn il-marid isib umanità. Il-marid mhux numru imma hu jew hi huma persuni li jinħtieġu umanità”.

B’dan il-kliem, il-Papa Franġisku l-ġimgħa li għaddiet laqa’ tobba, infermiera u amministrturi tal-Grupp Villa Maria li joffri kura u riċerka.

“Jien naf li l-grupp tagħkom ilu attiv għal aktar minn 40 sena fil-qasam tas-saħħa fis-servizz tal-poplu. Nawguralkom għad-dinamiżmu tagħkom li wassal biex infrixtu f’pajjiżi oħra barra mill-Italja dejjem f’servizz favur il-ħajja u kontra l-mard.”

L-iżvilupp tekonoloġiċiu t-tibdil fl-oqsma soċjali, ekonomiċi u politiċi bidlu it-tessut li fuqhom tistrieħ il-ħajja tal-isptarijiet u l-istrutturi tas-saħħa. Għalhekk hemm bżonn kultura ġdida, speċjalment fit-tħejjija teknika u morali tal-ħaddiema f’kull livell fil-qasam mediku, qal il-Papa.

Kultura ġdida

Minn dan l-aspett, dak li għamel s’issa il-Grupp Villa Maria biex jaqdi l-ħtiġijiet tal-pazjenti u l-familji tagħhom, li kultant ikollhom imorru f’ċentri speċjalizzati bogħod minn djarhom, hu importanti ħafna.  L-impenn li tinfirex il-ħidma tal-grupp bl-akkwist jew bini ta’ faċilitajiet ġodda tixhed ir-rieda tal-grupp biex jassikura aktar kumdità għall-morda fit-triq tal-fejqan.

“Nittama li l-postijiet ta’ kura jsiru dejjem aktar djar fejn wieħed iħossu milqugħ u komdu fejn il-marid isib ħbieb, min jifhmu u juri miegħu ħniena – fejn isib l-umanità.

“Il-marid mhux numru: hu jew hi persuna li tinħtieġ l-umanità. Għalhekk hu meħtieġ li jkun hemm il-kollaborazzjoni ta’ kulħadd, biex il-bżonnijiet tal-marid jintlaqgħu fi spirtu ta’ servizz u attitudni ġeneruża u sensittiva. Dan mhux faċli, għax il-marid fil-kundizzjoni tiegħu spiss jitlef il-paċenzja u jintilef. Għalhekk dan mhux faċli, iżda jrid isir”.

Biex jintlalħqu dawn l-oġġettivi wieħed ma jridx iħalli lilu nnifsi jitmexxa minn “sistemi” li jkunu mmirati biss fuq il-qliegħ finanzjarju u minflok jimplimentaw stil li jqarribhom lejn il-pazjenti morda biex ikunu jistgħu jassistuhom b’umanità quddiem l-ansjetajiet tagħhom fil-mumenti l-aktar kritiċi tal-mard tagħhom. B’hekk dawn il-professjonisti jkunu qed jikkontribwixxu biex il-mediċina, l-isptar u l-ambjent kollu tas-sahha jkunu umanizzati.

“Semmejt il-kelma ‘qrib’: din m’għandniex ninsewha. Il-viċinanza wkoll – biex ngħidu hekk – hi l-mod li Alla użà biex isalvana. Lill-poplu Lhudi kien qallu: “Għiduli, liema poplu għandu l-allat tant qirb tiegħu, bħalma jien magħkom?”. Alla tal-viċinanza jiġi qrib tagħna f’Ġesù Kristu, wieħed minnha. Il-viċinanza hi ċ-ċavetta għall-umanità u l-Kristjanità.”

Servizz lill-oħrajn

Dawk li jsejħu lilhom infushom insara huma msejħa biex iservu fl-ispirtu tal-kliem ta’ Ġesù: “Kif għamiltu ma’ l-ifqar minn dawn ħuti, għamiltu miegħi”.  “Hawn jinstab il-pedament Evanġeliku ta’ servizz għall-oħrajn. Hekk, għal dawk li jemmnu, il-marid u dak li qed isofri, isiru sinjali ħajja tal-preżenza ta’ Kristu, Iben Alla, li ġie biex ifejjaq u ħa fuqu nnifsu il-fraħilità u d-debulizzi tagħna”, sostna l-Papa Franġisku.

“Li nieħdu ħsieb lill-ħutna morda ifisser li nagħmlu post għal Alla.  Mill-post tal-uġiegħ u l-fejqan joħroġ messaġġ ta’ ħajja: lezzjoni kbira li ebda professur ieħor ma’ jista’ jagħtina. Il-bniedem li qed isofri, fil-fatt, jifhem aktar il-bżonn u l-valur tar-rigal divin tal-fidwa u jgħin lil dawk li huma qrib tiegħu japprezzaw u jfittxu huma wkoll dan ir-rigal.

“U huma preċiżament lill-morda u l-pazjenti li hemm fl-istrutturi tagħkom li jien nixtieq ngħidilhom li nħossni qrib tagħhom u nitlobkom twasslulhom dan il-messaġġ. Ningħaqad magħhom fit-tama għall-fejqan u naqsam magħhom dak li għaddejin minnu bit-tama li ma jdumx ma jgħaddi biex kulħadd, malajr kemm jista’ jkun ikun jista’ jirritorna do-dar mal-familja.

“Għalihom nitlob lil Alla jagħtihom ir-rigal tal-paċenzja u l-fiduċja u saħħa  u li jaċċettaw ir-rieda t’Alla u jafdaw fit-tjubija tal-providenza paterna tiegħu”, temm jgħid il-Papa.