Il-Papa jappella biex il-Knisja tegħleb l-individwaliżmu u r-rivalità fi ħdanha

Il-Papa Benedittu XVI appella sabiex il-Knisja tegħleb l-individwalizmu u r-rivalità fi ħdanha. Dan l-appell wasal jumejn wara li Benedittu XVI ħabbar d-deċizjoni tiegħu li jirrizenja ġimgħatejn oħra.

Fl-omelija tiegħu waqt iċ-ċelebrazzjoni tat-tqegħid tal-irmied fil-bidu tar-Randan, il-Papa tkellem dwar l-importanza tax-xhieda tal-fidi u tal-ħajja Nisranija biex jidher il-wiċċ tal-Knisja li xi drabi, qal il-Papa, dan jiġi sfigurat. Kien hawn li semma l-attakki li jsiru kontra l-għaqda fil-Knisja, kif ukoll id-diviżjoni li teżisti fi ħdan l-istess Knisja. Il-Papa ħeġġeġ sabiex matul dan ir-Randan, il-membri tal-Knisja jgħixu l-komunjoni b’mod aktar qawwi u evidenti, billi jegħlbu l-individwaliżmu u r-rivalità, u jkunu sinjal ta’ umiltà għal dawk li huma indifferenti u l-bogħod mill-fidi.

Il-Quddiesa tal-bieraħ din is-sena saret fil-Bażilika ta’ San Pietru flok fil-Bażilika ta’ Santa Sabina fejn issir issoltu. Il-kelliem tal-Vatikan, Patri Frederico Lombardi, qal li dan sar sabiex aktar pellegrini setgħu jattendu waħda mill-aħħar ċelebrazzjonijiet ta’ Benedittu XVI. Bl-istess mod illum, il-laqgħa annwali tal-Papa mal-kappillani u l-kleru ta’ Ruma se ssir fis-sala Pawlu VI għax mistennija attendenza ikbar.