Il-Papa jappella biex ikun eliminat il-ġuħ fid-dinja

F’messaġġ lill-40 Konferenza Ġenerali tal-Organiżazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO), il-Papa Franġisku appella lill-mexxejja dinjija biex jaħdmu flimkien biex ikun eliminat il-ġuħ u n-nuqqas ta’ ikel fid-dinja.
Kulħadd jirrealizza li l-intenzjoni li nipprovdu lil kulħadd bil-ħobża ta’ kuljum ma hix biżżejjed. Irridu nirrikonoxxu li kulħadd għandu dritt għal din il-ħobża. Jekk il-miri ta’ żvilupp li nipproponu jibqgħu l-bogħod milli jwasslu l-ħobż lil kulħadd, allura tkun nieqsa l-kultura ta’ solidarjeta’.
Il-Papa qal li l-impenn ta’ kull pajjiż li jżid il-livell ta’ nutriment tiegħu, li jżid l-attivita’ agrikola u l-livell tal-għixien tal-popolazzjoni rurali, jinsab fl-inkoraġġiment lis-settur agrikolu biex iżid il-produzzjoni u jkun hemm tqassim effettiv tal-ħażniet tal-ikel. Immġa dan mhux biżżejjed. Irridu nagħrfu d-dritt ta’ kull persuna li jeħles mill-faqar u mill-ġuħ u dan jiddependi mid-dover ta’ kull familja umana li tipprovdi għajnuna prattika lil dawk fil-bżonn.
Għalhekk meta xi pajjiż, insista l-Papa Franġisku, ma jkunx kapaċi jissodisfa l-bżonnijiet tal-ikel ta’ niesu, minħabba l-livell ta’ żvilupp tiegħu, minħabba kundizzjonijiet ta’ faqar, minħabba tibdil fil-klima jew nuqqas ta’ sigurta’, l-Organiżazzjoni għall-Ikel u Agrikoltura u  istituzzjonijiet inter-governattivi oħra, iridu jkunu kapaċi jintervjenu b’mod speċifiku u jieħdu azzjoni solidali. “La l-affarijiet li ħalaq Alla u fdahomlna huma maħsuba li jservu lil kulħadd, hemm bżonn urġenti li s-solidarjeta’ tkun il-kriterju li jispira kull forma ta’ kooperazzjoni fir-relazzjonijiet intenazzjonali”, qal Papa Franġisku.
Is-sitwazzjoni attwali fid-dinja f’dan ir-rigward ma hix tajba. Ma nistgħux nirrassenjaw ruħna. Dan il-mument ta’ diffikulta għandu jagħmilna konxji li l-ġuħ u n-nuqqas ta’ ikel m’humiex fenomeni naturali jew strutturali f’ċertii nħawi, imma riżultat ta’kundizzjonijiet komplessi ta’ sotto-żvilupp kaġunat mill-indifferenza ta’ ħafna u l-egoiżmu tal-ftit.