Il-Papa jappella biex fit-23 ta’ Frar isir jum ta’ Talb u Sawm għall-Paċi

Il-Papa Franġisku qed jistieden lin-nies kollha ta’ rieda tajba biex fit-23 ta’ dan ix-xahar jingħaqdu miegħu f’Ġurnata ta’ Talb  u Sawm għall-Paċi b’mod partikolari fir-Republika Demokratiku tal-Congo u fis-Sudan t’Isfel li huma mifnija bil-gwerer.
Il-Papa għamel dan l-appell nhar il-Ħadd li għadda meta kellem il-folla li nġabret fi Pjazza San Pietru. Hu qal li “Iffaċċjat mis-sitwazzjonijiet traġiċi li qed itulu f’diversi partijiet tad-dinja, nistieden lill-fidili kollha, huma ta’ liema reliġjon huma biex jieħdu sehem f’dan il-Jum ta’ Talb u Sawm nhar il-Ġimgħa tal-ewwel ġimgħa tar-Randan”.
Il-Papa Franġisku assigura lill-poplu tal-Madagascar li dan l-aħħar intlaqtu minn ċiklum kbir li ħalla ħafna vittmi, għamel ħsarat kbar u ħafna nies spiċċaw bla dar, li hu qrib tagħhom u jitlob għalihom kontinwament biex il-Mulej jgħinhom u jsibu konfort.
Wara r-reċita tal-Angelus il-Papa semma wkoll li s-Sibt li ġej se jibbeatifika liż-żagħżugħ Teresio Olivelli li fl-1945 inqatel fil-kamp ta’ konċentrament f’Hersbruck għax kien Kattoliku. “Hu ta’ xhiedha ta’ Kristu fl-imħabba li kellu għal dawk l-aktar vulnerabbli u jingħaqad mal-lista twila ta’ martri tal-aħħar seklu. Is-sagrifiċċju eroiku tiegħu hu żerriegħa ta’ tama, partikolarment għaż-żgħażagħ”, qal il-Papa.
Il-Papa Franġisku ingħaqad mal-Isqfijiet Taljani fil-Ġurnata għall-Ħajja bit-tema “Il-Vanġelu tal-Ħajja, Ferħ għad-Dinja” u esprima apprezzament u nkoraġġiment lid-diversi realtajiet ekklesjastiċi madwar l-Italja li jaħdmu Favur il-Ħajja.
Fl-aħħarnett il-Papa għamel riferenza partikolari għal delegazjoni minn Agrigento u esprima l-gratitudni tiegħu għan-nies ta’ din il-belt fi Sqallija għall-impenn li qed turi biex tilqa’ u tintegra lill-emigranti.