Il-Papa jaħtar mara bħala Sotto Segretarju fis-Segretarjat tal-Istat tal-Vatikan

Dr Francesca Di Giovanni, is-Sotto Segretarju responsabbli mir-relazzjonijiet tal-Vatikan ma’ stati oħra

Il-Papa Franġisku ħatar lil Dr. Francesca Di Giovanni bħala Sotto Segretarju fis-Segreterija tal-Istat tal-Vatikan li se tkun responsabbli għar-relazzjonijiet tas-Santa Sede ma’ stati barranin.

Di Giovanni twieldet f’Palermo fl-1953 u ilha taħdem fis-Segretarjat tal-Istat għal dawn l-aħħar 27 sena u hi gradwata fil-Liġi. Wara li ħadmet bħala Nutar, ħadmet fil-Moviment tal-Fokolarini.

F’Settembru 1993 bdiet taħdem fis-Segreterija tal-Istat tal-Vatikan, fit-taqsima multilaterali partikolarment fil-qasam tal-emigranti u r-refuġjati, il-liġi umanitarja internazzjonali, il-komunikazzjoni, l-istatus tal-mara, il-proprjetà intellettwali u t-turiżmu.

Bil-ħatra ta’ Di Giovanni, it-taqsima tar-Relazzjonijiet mal-Istati se jkollha żewġ Sotto Segretarji. Di Giovanni will work alongside Monsignor Mirosław Wachowski,

Hi se taħdem ma’ Mons. Miroslaw Wachowski li hu responsabbli mill-qasam tadl-diplomazija bilaterali.  

Sorpriża

F’intervista ma’ Vatican News u L’Osservatore Romano, Di Giovanni qalet li kienet sorpriża ħafna b’din il-ħatra.

“Issa ilna numru ta’ snin naħsbu dwar il-bżonn li jinħatar Sotto-Segretarju għat-taqsima multilaterali li hu settur li jinħtieġ attenzjoni speċjali għax irid isegwi proċeduri partikolari li huma differenti minn dawk tal-qasam bilaterali.  Imma jien qatt ma ħsibt li l-Papa kien se jaħtar lili għal din il-kariga.

“Dan hu rwol ġdid u se nagħmel ħilti kollha biex insarraf il-fiduċja li wera fija l-Papa. Iżda dan ma nistax nagħmlu waħdi imma bl-għajnuna tal-grupp kollu li sal-lum ħdimna tajjeb ħafna flimkien”.

Dr Di Giovanni se tkun l-ewwel mara f’pożizzjoni maniġerjali fis-Segrtarjat tal-istat. B’din il-ħatra l-Papa Franġisku għamel deċiżjoni bla preċedent li hi indikazzjoni tal-attenzjoni tiegħu lejn in-nisa fi ħdan il-Knisja għalkemm ir-responsabbiltajiet li ġġib magħha huma marbuta mal-ħidma aktar milli mal-fatt li l-persuna maħtura hi mara.

Mistoqsi x’inhu l-kontribut speċifiku li mara tista’ tagħti f’dan ir-rwol, Dr Di Giovanni qalet li tiftakar fl-Omelija li għamel il-Papa fil-bidu ta’ din is-sena li fiha ta tribut għar-rwol tal-mara meta qal li “in-nisa huma medjaturi tal-paċi u għandhom  ikunu mdaħħla b’mod sħiħ fit-teħid tad-deċiżjonijiet għax meta n-nisa’ jaqsmu d-doni tagħhom id-dinja tingħaqad aktar u jkun hawn aktar paċi”.

Viżjoni tal-Papa

“Nixtieq li flimkien ma’ sħabi li jaħdmu f’din it-taqsima tas-Segrtarjat tal-Istat, inkun kapaċi nikkontribwixxi biex din il-viżjoni tal-Papa tintlaħaq. Dan jista’ jintlaħaq flimkien ma’ nisa oħra – li minnhom hawn ħafna – li qed jaħdmu biex ikun hawn l-għaqda u l-fraternità fuq livell internazzjonali.

Il-mara jista’ jkollha ċerti ħiliet biex issib dak li hu komuni u s-sewwi r-relazzjonijiet billi tgħaqqad il-qlub. Nittama li l-fatt li jien mara jirrifletti pożittivament fuq il-pożizzjoni tiegħi anke jekk dawn il-ħiliet jinstabu wkoll fl-irġiel.

Fid-diskors li għamel fil-bidu tas-sena lid-diplomatiċi akkreditati għall-Vatikan, il-Papa Franġisku għamel riferenza għas-sistema multilaterali u qal li din kien hemm bżonn tkun riformata.

Fil-komunità internazzjonali, is-Santa Sede għandha wkoll  il-missjoni li tassigura l-interdipendenza bejn il-poplu u n-nazzjonijiet tiżviluppa f’dimensjoni etika u morali kif ukoll f’aspetti varji li r-relazzjonijiet qed ikollhom fid-dinja tallum. Qatt ma għandna nieqfu ninkoraġixxu d-djalogu f’kull livell u nfittxu dejjem soluzzjonijiet diplomatiċi.

“Aħna nibqgħu naraw in-Nazzjonijiet Uniti bħala għodda meħtieġa biex niksbu il-ġid komuni anke jekk hemm bżonn isisr xi tibdil u riformi li huma meħtieġa”, temmet tgħid fl-intervista tagħha, Dr. Di Giovanni.